It-team nazzjonali malti tal-waterpolo beda l-impenji tiegħu mill-Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li qed isiru fir-Rumanija, b’telfa ta’ 9-5 kontra l-Ġermanja. Minkejja t-telfa l-maltin kellhom wirja tajba, b’mod speċjali fit-tieni sessjoni.
Il-ġermaniżi rebħu l-ewwel sessjoni 2-0. Il-maltin irreaġixxew tant li t-tieni sessjoni spiċċat fi draw ta’ 3-3. Il-goals għal Malta f’din is-sessjoni waslu minn Jayden Cutajar, Jake Muscat u Alec Fenech.
Il-maltin baqgħu iżommu l-pass mall-avversarji anke tul it-tielet sessjoni li ntemmet 2-1 favur l-avversarji. Il-goal tal-maltin wasal minn Liam Galea.
L-aħħar sessjoni rat lill-Ġermanja jirbħu 2-1, b’San Gialanze jiskorja għat-team malti.
It-team malti immexxi mill-kowċ Milan Cirovic jerġa jkun fl-azzjoni aktar tard matul il-jum tal-Ġimgħa b’logħba kontra l-Ukrajna fil-17:30.