Ġermanja 18-13 Malta
(6-5) (3-4) (6-2) (3-2)
It-team nazzjonali malti tal-Waterpolo beda l-impenji tiegħu fil-Kampjonat tal-Ewropa b’telfa ta’ 18-13 kontra l-Ġermanja. It-team malti taħt it-tmexxija tal-kowċ Milan Cirovic kien qed jilgħab l-ewwel logħba tiegħu minn Grupp Ċ ta’ dan il-kampjonat li qed isir il-Kroazja. Il-plejers maltin urew karattru, b’mod speċjali fl-ewwel żewġ sessjonijiet. Sfortunatament, it-tielet sessjoni rat lill-avversarji iżidu d-distakk, sessjoni li kienet determinanti għar-riżultat finali.
Il-logħba bdiet b’ritmu qawwi, bil-plejers maltin juru determinazzjoni u karattru. L-ewwel sessjoni intemmet 6-5 favur il-Ġermanja. Sessjoni li kienet botta u risposta bejn iż-żewġ timijiet. Il-goals tat-team malti waslu minn dopjetta ta’ Nikolai Zammit u goal kull wieħed għal Sam Gialanze, Liam Galea u Jayden Cutajar.
Il-maltin komplew juru karattru u rebħu t-tieni sessjoni bi skor ta’ 4-3. Wara li l-ġermaniżi skurjaw kmieni fis-sessjoni, il-plejers tagħna ma qatgħux qalbhom u offrew sfida qawwija. Il-goals tal-maltin waslu minn dopjetta ta’ Liam Galea u goal kull wieħed għal Mark Castillo u Jake Melito.
It-tielet sessjoni kienet waħda negattiva għat-team malti hekk kif l-avversarji ħarġu rebbieħa 6-2. Sessjoni li rat lill-ġermaniżi joħorġu għall-kollox fuq l-attakk, bil-plejers maltin iwettqu bosta żbalji. L-uniku żewġ goals ta’ Malta f’din is-sessjoni waslu minn Jake Muscat Melito. Sessjoni li lejn l-aħħar rat it-tkeċċija tal-plejer malti Matthias Azzopardi.
Il-wirja tal-maltin tjiebet fl-aħħar sessjoni, sessjoni li ntemmet 3-2 favur il-Ġermanja. Dan pero ma kienx biżżejjed ghat-team malti sabiex idawwar ir-riżultat favur tiegħu. Iż-żewġ goals għal Malta waslu minn Jake Muscat Melito. Lejn tmiem din is-sessjoni tkeċċa l-plejer ġermaniż Philipp Dolff.
Ta’ nota li f’logħba oħra mill-istess Grupp Ċ, is-Serbja għelbu lill-Iżrael bl-iskor kbir ta’ 22-1. Il-logħba li jmissu t-team malti se tkun kontra l-istess Iżrael.
Din hi l-ħames darba li Malta qed tieħu sehem fil-fażi finali tal-Kampjonat tal-Ewropa. F’din l-edizzjoni Malta qed tieħu sehem b’team mimli uċuh ġodda u żgħażagħ. Mit-team nazzjonali li ħa sehem fl-aħħar edizzjoni tal-kampjonat ewropew fadal biss erba’ plejers: Jake Tanti, Liam Galea, Jeremy Abela, Nicholas Bugelli, Sam Gialanze, Darren Zammit u Nikolai Zammit.
Formazzjoni (Malta)
Jake Tanti (captain), Nicholas Bugelli, Liam Galea (4), Mark Castillo (1), Sam Gialanze (1), Jake Cachia, Jake Muscat Melito (4), Jayden Cutajar (1), Jeremy Abela, Nikolai Zammit (2), Darren Zammit, Matthias Azzopardi, Benjamin Busuttil.
Il-logħob ta’ Malta fil-Kampjonat tal-Ewropa:
Il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar
Ġermanja 18-13 Malta (Riżultat Finali)
Il-Ħadd 7 ta’ Jannar
Malta vs Iżrael (5.00pm)
It-Tlieta 9 ta’ Jannar
Serbja vs Malta (7.00pm)