L-Assoċjazzjobi Maltija tal-iSport Akwatiku (ASA Malta) fi stqarrija qalet li rceviet rapport rigward żewġ allegati inċidenti fejn fihom seħħet gidma waqt il-logħba bejn San Ġiljan u Sliema l-erbgħa filgħaxija mill-kampjonat tas-sajf tal-waterpolo. L-allegazzjoni hi fil-konfront ta’ plejer li fil-passat kien ġie akkużat għal inċidenti simili.
L-ASA ħabbret li bħal ma jiġri dejjem quddiem rapporti bħal dawn se tkun qed tinvestiga l-allegazzjoni waqt bord tad-dixxiplina li se jitlaqqa’ llejla. B’rabta ma’ din l-investigazzjoni se jkunu qed jiġu analiżżati l-filmati tal-logħba.
L-istqarrija tgħid ukoll li fid-dawl ta’ dan l-inċident, logħbiet li huma meqjusa f’riskju ta’ inċidenti vjolenti se jkunu qed jintlagħbu fis-19:15 minflok fit-20:30 u dan biex il-viżibilita’ tkun aktar tajba sabiex ir-refrees ikunu jistgħu jikkontrollaw il-logħba aħjar.
Għalkemm l-istqarrija tal-ASA ma ssemiex min għamel l-akkuża u kontra liema plejer, ir-rapport sar mill-klabb ta’ Sliema kontra wieħed mill-plejers ta’ San Ġiljan.
Fi stqarrija fuq il-paġna ta’ facebook tal-klabb, Sliema ikkundannaw dan l-inċident. Kundanna simili saret mill-klabb ta’ Neptunes.
Min-naħa tagħhom San Ġiljan qalu li qed jieħdu dawn l-akkużi b’serjeta’ kbira. Filwaqt li saħqu li huma dejjem jippromwovu spirtu sportiv qalu li fil-passat plejers tagħhom ukoll kienu vittma ta’ logħob agressiv, madanakollu għażlu li ma jirrapurtawx dawn il-każijiet.


