It-team nazzjonali malti tal-waterpolo tal-irġiel se jkollu kowċ ġdid u li se jkun barrani. L-isem se jitħabbar f’Jannar. Dan ħabbru l-president tal-ASA Karl Izzo waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa u li matulha ingħataw dettalji dwar il-kompetizzjoni Enemed Cup li se tibda s-Sibt. Il-Konferenza kienet l-ewwel waħda indirizzata mill-president il-ġdid tal-Asa Karl Izzo, ftit jiem biss wara l-ħatra tiegħu.
Rigward il-kowċ nazzjonali ġdid, Izzo qal li dan se jkun persuna li qatt ma kienet involuta fil-Waterpolo lokali. Ħabbar ukoll li l-assistant coach tat-tim nazzjonali tal-irġiel u kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa Anthony Farrugia, irreżenja mill-kariga.
Matul l-istess konferenza ma naqasx li Izzo jitkellem ukoll dwar il-kariga ġdida tiegħu fejn reġa elenka l-programm ta’ ħidma li għandu mħejji.
Intant fl-ewwel ġurnata tal-Enemed Cup se jkun hemm erba’ logħbiet:
14:30 Exiles Welbee’s vs Valletta Izibet
15:35 Birżebbuga Freeport vs San Ġiljan JP Projects
16:40 Marsaskala vs Sliema Frank Salt Real Estate
17:45 Sirens ASC vs Neptunes Videoslots