MALTA 7 – 12 OLANDA
(2-2), (2-5), (1-3), (2-2)
It-team nazzjonali malti tal-Waterpolo ta’ taħt id-dsatax -il sena temm l-impenji tiegħu fil-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew b’telfa ta’ 12-7 kontra l-aktar team ikkwotat tal-grupp, l-Olanda. Minkejja t-telfa l-plejers żagħżagħ maltin kellhom wirja tajba kontra r-rebbieħa tal-grupp. Team malti, immexxi mill-coach Anthony Farrugia, li qabel dan il-konfront kien diġa ċert mill-kwalifikazzjoni għall-fażi finali tal-kampjonati ewropej.
Il-maltin bdew tajjeb fl-ewwel sessjoni u żammew il-pass mal-avversarji. Sessjoni li ntemmet fi draw ta’ 2-2. It-team olandiż żied ir-ritmu fit-tieni sessjoni u ħareġ rebbieħ 5-2. L-istess storja kienet it-tielet sessjoni, li ntrebħet ukoll mill-olandiżi din id-darba 3-1.
Il-maltin tjiebu fl-aħħar sessjoni u għal darb’oħra irnexxielhom iżommu lill-avversarji fi draw ta’ 2-2.
Il-goals tal-maltin waslu minn Mark Castillo u Alec Fenech bi tliet goals kull wieħed u goal personali minn Gianni Farrugia.
Il-fażi finali tal-Kampjonati ewropej se jsiru f’Podgorica l-Montenegro bejn it-18 u l-25 ta’ Settembru li ġej.
(Ritratt: ASA Malta)