It-team nazzjonali Malti tal-Water Polo nhar l-Erbgħa se jmur Bucharest, ir-Rumanija, sabiex fi tmiem il-ġimgħa jikkompeti f’Diviżjoni B ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.
Tagħrif ingħġata waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq u li ġiet indirizzata mill-President tal-ASA Karl Izzo, il-kowċ nazzjonali Milan Cirovic u l-assistant coach U17 Anthony Farrugia.
L-ewwel logħba għal Malta se tkun nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu fil-11:30 kontra l-Ġermanja. Aktard tard fil-17:30 it-team malti jilgħab kontra l-Ukrajna.
Malta terġa’ tkun fl-azzjoni l-għada s-Sibt fil-17:30 kontra l-Gran Brittanja. L-aħħar logħba għall-maltin tkun il-Ħadd kontra r-Rumanija fl-10:00.
Dan se jkun l-ewwel impenn kompetittiv għall-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali malti Milan Cirovic. Huwa se jkollu nieqes mit-team għall-ewwel żewġ logħbiet lill-captain Dino Zammit li se jkun sospiż. Cirovic se jkun qed jagħti d-debutt mat-team nazzjonali lill-plejer żagħżugħ ta’ Sliema Jayden Cutajar.
Il-President tal-ASA Karl Izzo ħabbar li l-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej li suppost għandhom isiru f’Ottubru 2023 f’Iżrael, aktarx jiġu posposti għal Jannar 2024 f’Belgrad, is-Serbja. Dan minħabba li Iżrael ma laħaqx ir-rekwiżiti tal-LEN.
Izzo ħabbar ukoll li bdew diskussjonijiet mal-klabbs ewlenin lokali tal-waterpolo sabiex jitwal il-Kampjonat tas-Sajf filwaqt li kull tim ikollu plejer barrani li jkun f’pajjiżna għal sena sħiħa. Qal ukoll li jista’ jkun hemm applikazzjonijiet sabiex plejers barranin ikollhom iċ-ċittadinanza maltija u b’hekk jilgħabu mat-team nazzjonali malti.
Intant it-team nazzjonali malti U17 ukoll se jkun impenjat fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni bejn is-16 u d-19 ta’ Marzu. Iż-żgħażagħ maltin se jilgħabu fi Grupp D.
Huma jibdew l-impenji kontra l-Latvja fis-16 ta’ Marzu fis-18:30. It-tieni logħba tkun il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu kontra l-Polonja fis-18:30.
It-tielet logħba ta’ Malta tkun kontra s-Slovakkja fit-20:00 is-Sibt 18 ta’ Marzu. L-aħħar logħba tkun il-Ħadd 19 ta’ Marzu kontra l-Gran Brittanja fil-11:30.