Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserve, Tonio Montebello qal lill-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, li fil-kampanja elettorali tal-2017 qatt ma kellu talbiet mill-Ministru għall-Ambjent jew minn xi membri oħra tal-gvern biex jimpjega ħaddiema li ma jkunux strettament mal-Wasteserve.
Is-Sur Montebello kien qed jixhed meta l-kumitat kien qed jiddiskuti talba li saret mill-Membri tal-Oppożizzjoni għal investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ingaġġ ta’ ħaddiema fil-Wasteserv bejn Jannar tal-2016 u Ġunju tal-2017. Huwa qal li wara li nħaraq l-impjenat ta’ Sant’Antin, xi mpjegati ntabgħtu jaħdmu f’postijiet oħra bħal Malta North iżda numru żgħir marru jagħmlu xogħol mal-Malta Parks u mal-Awtorità tat-Turiżmu biex hekk tkun salvagwardjata l-ħobża ta’ kuljum tagħhom.
Il-poplu qed jikkopera bis-sħiħ fis-separazzjoni tal-iskart u dan ifisser li jrid jiġi introdott shift ta’ bil-lejl u anke shift ieħor f’Għawdex, b’100 impjegat kull darba.
Huwa qal li jiltaqa’ mal-Ministru li għalih hu responsabbli mill-inqas darba fil-ġimgħa, biex jiddiskuti l-andament u tenna li l-projections tal-kumpanija li għamel minn kemm ilu kap eżekuttiv mill-2014, dejjem kienu tajbin.
Il-kap eżekuttiv tal-Wasteserve qal li l-industrija tat-trattament tal-iskart tal-pajjiż hija waħda iebsa fejn in-nies jaħdmu siegħat twal fil-ħmieġ u għalhekk ħafna jitilqu wara perjodu qasir. Fil-fatt, huwa spegja li mill-2010 sa’ Ġunju 2017, minn 829 ħaddiem li ġew ingaġġati fil-Wasteserve permezz tal-kuntrattur, J F Services Ltd, telqu 350.
Illum fil-Wasteserve hemm 665 impjegat fid-diversi postijiet u f’diversi pożizzjonijiet. Is-Sur Montebello qal li l-paga tagħhom hija bejn 900 u elf ewro fix-xahar. Uħud huma minn background diffiċli u jgħidulu li fl-impjieg sabu opportunità li jbiddlu ħajjithom.
Is-Sur Montebello qal li Wasteserve għandha kapital ta’aktar minn 100 miljun ewro b’budget ta’ 45 miljun ewro kull sena. Fil-jiem li ġejjin se jsir investiment ieħor ta’ 80 miljun ewro oħra.