Il-WasteServ daħħlet ir-reazzjoni tagħha għal kawża fil-Qorti tal-Appell mill-kumpanija Hitachi Zosen Inova AG-Terna SA kontra d-deċiżjoni tal-Public Contracts Review Board fi Frar.
Dakinhar ġie konkluż li l-proċess mill-entità tal-Gvern għax-xiri tal-impjant tal-Waste-to-Energy sar bl-akbar professjonalità u trasparenza.
Fil-fatt il-Public Contracts Review Board kien tenna li l-WasteServ mexxiet proċess ta’ evalwazzjoni metikoluż ħafna, inkluż permezz ta’ numru ta’ esperti mqabbdin biex jassistu, waqt li ngħata l-istess trattament ugwali lil dawk li applikaw fit-tender inkwistjoni.
WasteServ qalet li, waqt li jiddispjaċiha li l-appell se jżomm milli jibda jiġi implimenta l-proġett, li hu essenzjali għall-ambjent Malti u l-miri nazzjonali fl-immaniġġjar tal-iskart, se tkun qed tistenna sakemm tingħata d-deċiżjoni fil-Qorti tal-Appell.