Il-WasteServ ippubblikata sejħa għall-offerti għad-disinn, il-bini u l-operat bi prova ta’ faċilità ġdida għall-ipproċessar tal-iskart organiku. B’investiment ta’ madwar €75 miljun, dan il-proġett hu maħsub biex ikompli jtejjeb l-effiċjenza tal-operat u jiżgura li l-pajjiż ikun ippreparat għall-futur.
Il-faċilità l-ġdida, li mistennija tkun ikkummissjonata sal-2028, se jkollha l-kapaċità li tipproċessa madwar 74,000 tunellata ta’ skart organiku fis-sena. Dan l-iskart se jiġi konvertit f’enerġija ħadra hekk kif se jinbidel f’elettriku u f’kompost ta’ kwalità għolja biex jikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari aktar sostenibbli.
Il-WasteServ diġà qed tipproċessa b’suċċess l-iskart organiku f’enerġija ħadra u f’kompost u, is-sena l-oħra biss, ġew ipproċessati 35,000 tunellata ta’ skart organiku, żieda impressjonanti ta’ 67% fuq sentejn, biex ġiet iġġenerata biżżejjed enerġija ħadra għal 967 dar għal sena sħiħa, filwaqt ġew prodotti mal-2,700 tunellata ta’ kompost ta’ kwalità għolja.
Fl-aħħar ħames snin, kien hemm żieda kostanti u konsistenti fil-ġbir tal-iskart organiku, anke bis-saħħa ta’ diversi inizjattivi tal-Gvern, bħat-tnedija tal-iskeda nazzjonali ġdida għall-ġbir tal-iskart.
Stqarrija tal-WasteServ ikkwotat lill-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca li qal li “l-Environmental Impact Assessment, li tlesta diġà, ikkonkluda li dan il-proġett il-ġdid għandu benefiċċji ambjentali netti u, bis-sit identifikat u mħejji, ix-xogħlijiet se jkunu jistgħu jibdew immedjatament hekk kif is-sejħa għall-offerti tiġi magħluqa.
L-offerenti interessati f’dan il-proġett għandhom sal-10 ta’ Ġunju 2025 biex jissottomettu l-offerti tagħhom.