Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar li ser ikun qiegħed jingħata taħrig lill-uffiċjali fl-entitajiet governattivi biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aqwa għażliet fejn jidħol il-ġestjoni tal-iskart, fid-dipartimenti, ministeri, u entitajiet pubbliċi.
Dan waqt żjara li għamel il-Minsitru fl-uffiċini tal-OZO Group, li huma eżempju tajjeb ta’ prattiċi ta’ separazzjoni tal-iskart fis-settur privat.
B’hekk, WasteServ ser tkun f’pożizzjoni li tipprovdi aktar linji gwida bl-għan li jitnaqqas il-volum tal-iskart ġenerat f’dawn id-dipartimenti fuq il-prinċipju ta’ reduce, reuse, recycle.
L-entitajiet governattivi kollha ġew provduti bil-kontenituri biex jiffaċilitaw is-separazzjoni tal-iskart. WasteServ ħa tkun qed testendi il-prattiċi tas-separazzjoni tal-iskart fid-djar fi ħdan is-settur pubbliku u privat.
Il-Ministru spjega li l-WasteServ se tkun qed toffri taħriġ, bla ħlas, lill-entitajiet privati li huma interessati li jkollom din is-sistema tas-separazzjoni tal-iskart fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Huwa stqarr, “Is-suċċess ta’ din l-inizjattiva ħa tkun qed tiddependi ħafna fuq il-kooperazzjoni ta’ kulħadd. Ninsab ċert li flimkien ħa nkomplu nibnu fuq is-suċċess li diġà ksibna fis-separazzjoni tal-iskart fid-djar tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca spjega kif inizjattivi bħal dawn huma kruċjali għax għalkemm fuq naħa waħda il-pajjiż ser ikun qed itejjeb l-infrastruttura b’mod drastiku, is-sehem tan-nies huwa kruċjali biex din l-infrastruttura tkun tista’ tirrendi ir-riżultati mistennija.