Waslu lejn l-aħħar ix-xogħlijiet b’investiment ta’ żewġ miljun u nofs ewro fuq il-mollijiet u t-terminals tal-fast ferry fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex u tal-Port il-Kbir fil-Belt Valletta sabiex ġimgħa oħra, żewġ operaturi tal-fast ferry jibdew joffru s-servizz lill-Għawdxin, il-Maltin u lit-turisti.
Dan tħabbar propju waqt żjara li l-Ministru għall-Infrastuttura u t-Trasport Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri għamlu fuq il-lant tax-xogħol it-Tlieta filgħodu fil-port tal-Imġarr.
Iż-żewġ terminals se jkunu mgħammra b’kabini fejn jinxtraw il-biljetti, post fejn il-passiġieri jistennew, latrini pubbliċi u tagħmir ta’ emerġenza biex tkun żgurata s-sigurtà tal-passiġġieri.
F’kummenti, l-Ministru Ian Borg qal kif il-ħidma lejl u nhar biex dan seta’ jseħħ, issa se tissarraf f’servizz bżonnjuż ferm, partikolarment għall-Għawdxin.
Huwa stqarr: “Infrastruttura Malta u Transport Malta ħadmu flimkien matul l-aħħar ġimgħat b’mod intensiv sabiex inlestu dan il-fast ferry terminal li issa fl-ewwel ta’ Ġunju se jibda jilqa’ lill-Għawdxin u lil dawk kollha li jżuruh biex f’inqas minn 45 minuta wieħed jasal fil-Belt Valletta. Wegħda illi l-Gvern kellu mal-poplu Għawdxi u Malti u kburi illi qegħdin intejbu l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.”
Il-Ministru Borg semma li s-servizz tal-fast ferry se jkun pass ieħor ’il quddiem fl-infrastruttura marittima u turija oħra tal-viżjoni ħolistika ta’ dan il-gvern għat-trasport.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri semma l-vantaġġi kbar li s-servizz tal-fast ferries se jħalli fuq l-Għawdxin, fosthom l-istudenti.
Huwa qal, “Ser inkunu qed inħarsu ‘l quddiem b’sodisfazzjon li naraw dan is-servizz jaħdem u fl-aħħar mill-aħħar ser ikun mhux biss qed itaffi ħafna mill-iskariġġ tal-Għawdxin iżda ser noffru aċċessibilità aħjar għall-gżira t’Għawdex li b’mod naturali se tattira aktar turiżmu.”
Is-servizz tal-fast ferry se jkun qed iwassal lill-passiġġieri mill-Imġarr, Għawdex, sal-Belt Valletta f’inqas minn tliet kwarti. Sa issa ż-żewġ operaturi kkonfermati li se joffru dan is-servizz huma l-Virtu Ferries Fast Ferry u l-Gozo Fast Ferry.