Ix-xogħlijiet fil-pjazza tal-Imqabba u tat-toroq tal-madwar waslu fl-aħħar fażijiet tagħhom. Il-proġett b’investiment ta’ erba’ miljun ewro sar fi tliet fażijiet, fosthom it-tindif tal-ġibjun li jinsab taħt il-pjazza kif ukoll il-bini ta’ ġibjun ieħor fi Triq Ġanni Darmanin.
Dan il-ġibjun se jkun qed jilqa’ fih l-ilma tax-xita u għalhekk l-ilma miġbur ikun jista’ jintuża mill-Kunsill Lokali għat-tisqija fost oħrajn.
Ray Farrugia, il-Perit responsabbli min dan ix-xogħol tkellem dwar it-tlestija tal-proġett.
Farrugia stqarr, “L-iktar fażi importanti hija t-tisbiħ tal-pjazza li jinsab fi stadju avvanzat imma l-ħsieb hu li l-proġett tal-pjazza jkun lest sal-aħħar tax-xahar id-dieħel, sal-aħħar ta’ Awissu u l-ġibjun huwa ppjanat li jitlesta f’Marzu tas-sena d-dieħla.”
Fi żjara li għamel fuq lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, semma kif dan il-proġett qed jinkludi proġett pilota dwar it-tneħħija tal-wires tad-dawl minn mal-faċċati u minflok saret infrastruttura taħt l-art.
Il-Ministru Borg sostna, “Issa li għandna din l-esperjenza rridu naraw il-Gvern kemm se jestendi biex dan il-proġett suċċess ikun jista’ jkun preżenti wkoll f’lokalitajiet oħra.”
Il-Ministru semma wkoll kif din il-pjazza se tkun qed tingħata lill-Imqabbin, hekk kif il-pjazza se tkun magħluqa għal xi ħinijiet u jiem biex titgawda sew mill-pubbliku bħala spazju miftuħ.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-lokalità, Omar Farrugia semma wkoll ir-restawr fuq l-istatwi li jinsabu fuq iz-zuntier kif ukoll tal-grada tal-knisja.
“Intaffu waħda mill-ikbar problemi li l-Imqabbin esperjenzaw matul is-snin, il-problema tal-għargħar. Proġett sostenibbli, proġett illi flimkien qed inwettquh u konvint illi fiż-żmien illi ġej, fil-ġejjieni ser ingawdu minn dan l-investiment li qed isir fil-lokalità tal-Imqabba.” Temm jgħid Farrugia.