Eluf ta’ Maltin u Għawdxin mistennija jieħdu sehem f’edizzjoni oħrajn tal-Fun Run traddizzjoni tal-President.
Din l-edizzjoni li l-11-il waħda u l-ewwel waħda taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta George Vella ġiet posposta għall-Ħadd kawża tal-maltemp li nqala’ f’Novembru li għadda.
Il-kelliema tal-Uffiċċju tal-President Norma Saliba spjegat li għal din l-edizzjoni se jkun hemm 4 postijiet tat-tluq – tlieta bil-mixi u r-rotta mir-Rabat fejn il-parteċipanti se jkunu jistgħu jiġruha.
Hija spjegat: “Għandek Santa Venera, Tal-Qroqq u Raħal Ġdid li prattikament min irid u forsi mhux daqshekk huwa ttrenjat biex jagħmel xi ħaġa bħal din ikun jista’ joħodha bil-kalma, jimxi bil-pass tiegħu. Dan fl-aħħar mill-aħħar mhix tellieqa, kulħadd jagħmilha għall-karità. Il-ġirja hija differenti, hija pjuttost itwal għax għandek 11-il kilometru bejn wieħed u ieħor u jkun hemm ħafna min hu professjonali u joħodha bis-serjetà wkoll.”
Il-Fun Run tibda’ fl-10:00 ta’ filgħodu iżda l-pubbliku huwa mħeġġeġ li jkun fil-post tat-tluq madwar tliet kwarti qabel.
Norma Saliba qalet li kull min xtara flokk għall-Fun Run li kellha ssir f’Novembru jista’ jużah il-Ħadd. Hija sostniet: “Min għad m’għandux fadal l-aħħar ċans ukoll – kemm is-Sibt tul il-ġurnata mid-disa’ ta’ filgħodu sal-erbgħa ta’ waranofsinhar mill-Palazz ta’ Sant’ Anton u mill-Kitchen Garden u anke fid-daħla tal-Belt ħa jkollna stand ħdejn il-Parlament fejn wieħed jista’ jikseb it-t-shirt għal donazzjoni ta’ €10. Però min vera ħa jħalli għall-aħħar ħa jkun hemm stand fejn ikun jista’ jakkwista t-tshirt.”
Matul il-fun run se jidħlu fis-seħħ ukoll numru ta’ arranġamenti temporanji għat-traffiku fil-postijiet kollha minn fejn l-eluf ta’ Maltin se jkunu qegħdin jgħaddu.
Hija rrakkomandat lill-parteċipanti biex jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Saliba temmet tgħid: “Però t-trasport pubbliku naħseb ħa jkun l-aħjar mezz li wieħed juża biex jasal kemm fil-post fejn irid jitlaq kif ukoll mill-Belt għax fl-aħħar mill-aħħar kulħadd ħa jkun qed jinġabar il-Belt fi tmiem il-fun run allura mill-Belt lura d-dar iktar huwa ideali illi juża t-trasport pubbliku. Min ħa jilbes it-tshirt din ħa tiġih b’xejn.”
L-erba’ rotot se jingħaqdu flimkien il-Blata l-Bajda fejn hemmhekk il- parteċipanti se jingħaqdu u jimxi flimkien sa Misraħ San Ġorġ fil-Belt.