Ix-xogħol li għaddej fil-Menqa f’Għawdex issa jinsab fi stadju avvanzat.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt iż-żjara tiegħu fuq is-sit tax-xogħol fil-Menqa, li huwa parti mill-masterplan ta’ Marsalforn.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar kif issa issa tlestew is-servizzi kollha li kien hemm relatati mal-ewwel fażi li jikkonsistu f’tibdil tas-sistema tad-drenaġġ, servizzi relatati ma’ komunikazzjoni, kif ukoll servizzi tal-Enemalta. Saru wkoll id-dwal ta’ toroq u l-kameras tas-sigurtà. It-triq tinsab magħluqa minħabba li ngħatat bażi konkos.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr: “Minħabba li issa r-restaurants reġgħu bdew joperaw ser nkunu qed nemendaw il-program of work sabiex nagħtu aċċess kemm il-dawk li ser ikunu qed iżuru dawk ir-restaurants, kif ukoll lir-restaurants infushom li jkollhom spazju fejn jarmaw fuq in-naħa ta’ barra sabiex nkunu qegħdin nikkordinaw ix-xogħol b’mod tajjeb bla ma ntelfu lin-negozju lokali.”
Il-Ministru stqarr ukoll li dan l-investiment ta’ iktar minn tliet miljun ewro jirrikonixxi l-isforzi sabiex Marsalforn issir ċentru turistiku u ta’ divertiment, hekk kif ukoll jistimula iktar investimenti fl-industrija turistika lokali.
Preżenti fuq is-sit kien hemm ukoll il-perit inkarigat Shaun Micallef li tkellem dwar kif beda ix-xogħol ta’ pavimentar.
Huwa spjega: “Komplejna bix-xogħlijiet fuq il-parti tal-Menqa li tiġi parti mill-proġett ta’ Marsalforn fejn komplejna ħerġin bis-servizzi sal-aħħar fażi li illum kienet qed tingħata l-aħħar parti tal-platform minn din il-fażi. Min-naħa ta’ ġewwa bdejna ħerġin bil-pavimentar.”
Dan ix-xogħol mistenni li jagħti dehra kontemporanja lil din iż-żona filwaqt li se jkun qed jalloka spazju għal imwejjed u siġġijiet ta’ stabbilimenti u ristoranti.
Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza tal-użu mezzi ta’ trasport aktar favur l-ambjent u stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu. Bix-xogħlijiet li qed isiru se jkun hemm aċċess fil-promenade li se tkun pedonali, u jkun hemm aċċess biss għall-vetturi li għandhom permess biex jagħtu servizz.