L-oriġini tal-festi Maltin imur lura għal nofs is-seklu tmintax.
Din it-tradizzjoni baqgħet tintiret u tissaħħaħ minn ġenerazzjoni għal oħra tul iż-żmien.
Bħal kull sena, l-ewwel Ħadd ta’ Lulju jkun ippakkjat bil-festi.
Din il-kamra tal-aħbarjiet niżlet Ħal Luqa biex mal-Luqin tesplora l-karatteristiċi li jagħtu identità lil din il-festa, ad unur il-patrun Sant’ Andrija.
Mill-armar san-nar, f’Ħal Luqa nsibu kollox doppju. F’dan ir-raħal, il-karatteristiċi ewlenin li jagħmlu l-festa Maltija dik li hi huma maqsumin f’idejn żewġ baned: l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija u s-Soċjetà Filarmonika ‘L-Unjoni’.
Karatteristika ewlenija tal-festa ta’ Ħal Luqa huma l-marċi brijużi.
Dwar dan tkellimna mal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, li tagħmel marċ bi statwa ta’ Sant’ Andrija li tittella’ fuq il-kolonna f’Misraħ il-Knisja quddiem is-sede tal-istess għaqda.
“Is-Sibt ikun il-qofol tal-festa, meta aħna jkollna l-marċ il-kbir li fih intellgħu l-istatwa ta’ Sant’ Andrija fuq il-pedestall tagħha. Din is-sena qed niċċelebraw it-30 sena minn meta saret, ukoll. Wara jkollna show ta’ nar, Pyro S,tars fil-limiti taċ-ċimiteru ta’ Ħal Luqa, fejn nassistu għal show sinkronizzat mal-mużika.”
Mill-banda l-oħra, is-Soċjetà Filarmonika l-Unjoni torganizza marċ brijuż, li huwa magħruf mad-dilettanti tal-festa bħala ‘il-marċ tal-anġlu’.
Fil-fatt, fl-1885 kien ġie inkarigat l-istatwarju famuż Karlu Darmanin biex jaħdem statwa tal-anġlu li jirrapreżenta l-martirju u l-glorja ta’ Sant’ Andrija Appostlu.
Dwar dawn il-preparamenti tkellimna ma’ Clifford Micallef, li huwa l-kaxxier ta’ din l-istess għaqda, dwar l-aħħar preparamenti li s-Soċjetà Filarmonika ‘L-Unjoni’ qed tagħmel.
“Li għandu uniku dan il-marċ huwa li jitla’ fuq scaffolding armat apposta skont il-miżuri tal-health and safety. Jitla’ bl-idejn dan il-mekkanizmu, kif kien jitla’ fl-antik. Ovvjament, fl-antik ma kienx hawn features bħal tal-lum; kien jitla’ b’mod primittiv. Illum xorta waħda jitla’ kif kien jitla’ qabel, bl-idejn u fuq l-ispalla, u jitnewwel minn id għal oħra. Dan huwa l-qofol tal-festa tagħna, b’dan il-marċ famuż ‘tal-anġlu’.”