Erba’ mediċini li se jiswew lill-Gvern mat-tliet miljun ewro fis-sena, bdew jingħataw lil erbatax-il pazjent f’Malta li jbatu bis-cystic fibrosis.
L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini approvat dawn il-mediċini ftit inqas minn sena ilu u diġà qed jingħataw lill-pazjenti Maltin mingħajr ħlas.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn il-mediċini huma investiment ieħor fin-nies, li se jtaffu ftit mit-tbatija li ta’ kuljum jgħaddu minnha l-pazjenti u qrabathom.
Dr Abela qal li l-ispiża ta’ dawn il-mediċini, li tlaħħaq il-mitejn elf ewro fis-sena għal kull pazjent, kienet tillimita lill-istess pazjenti milli jixtruha, u l-fatt li l-Gvern żied dawn il-mediċini fil-formularju tiegħu juri kemm is-settur tas-saħħa huwa prijorità.
Il-Prim Ministru ħabbar, “Għal erbatax-il pazjent, f’kull sena, se nkunu qed ninvestu s-somma ta’ tliet miljun ewro. Ammont li huwa xhieda fih innifsu ta’ kif din il-mediċina hi impossibbli li jaffordja pazjent.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, spjega li dawn il-mediċini l-ġodda jibdew jingħataw sa mit-twelid tat-tarbija.
Bħala kirurgu tat-tfal li għal snin twal ħadem fuq riċerka għal din il-kundizzjoni, Chris Fearne spjega kif din il-kundizzjoni kienet kundanna għal deċenji, u t-tfal u ż-żgħażagħ iqattgħu parti kbira minn ħajjithom deħlin u ħerġin l-isptar.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr, “Il-mediċini li qegħdin nintroduċu llum jagħmlu qabża kbira ’l quddiem, jgħollu ħafna l-life expectancy ta’ dawn il-pazjenti, iżidu ħafna l-kwalità tal-ħajja, inaqqsu b’xi tmenin fil-mija l-bżonn ta’ pazjenti bis-cystic fibrosis li jidħlu fl-istparijiet tagħna.”
Il-konferenza saret fil-binja tat-Taqsima li tixtri u taħżen il-mediċini u l-apparat mediku f’pajjiżna, is-CPSU, u l-Prim Ministru fakkar kif minbarra l-mija u ħamsin miljun ewro fis-sena li tonfoq din it-taqsima għall-mediċini, fis-sena tal-pandemija ntefqu mija u għaxar miljun ewro oħra biex jiġi miġġieled il-Coronavirus.
Il-Prim Ministru sostna, “Irridu nkomplu noħolqu l-ġid biex ikollna iżjed okkażjonijiet bħal dik tal-lum għax m’hemm xejn isbaħ mill-ħajja. Għalhekk, irridu nieħdu kull inizjattiva biex f’pajjiżna kulħadd jgħix bid-dinjità li jixraqlu.”