Tħawlu l-ewwel minn għadd ta’ siġar indiġeni f’Wied Fulija, żona li qabel kienet tintuża bħala miżbla, mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Ix-xogħol ta’ rijabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq qed ikompli għaddej b’ritmu mgħaġġel hekk kif dan il-proġett wasal fl-aħħar fażi tiegħu li jinvolvi t-tħawwil ta’ għadd ta’ siġar.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi kienu akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca u mis-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima, fejn kellhom l-opportunità li jħawlu l-ewwel siġar fuq il-post.
WasteServ bdiet bix-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija f’Awwissu 2019 billi sar restawr fuq 6.5 ettaru ta’ art fi green area b’passaġġ pavimentat li jipprovdi aċċess lill-pubbliku fuq l-għoljiet li hemm biex titgawda wkoll il-veduta panoramika tal-madwar.
Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat permezz ta’ fondi ta’ koeżjoni u inkludew ukoll installazzjoni tal-immaniġġjar tal-ilma mmirata biex tgħin fil-passaġġ tal-ilma tax-xita bejn l-għoljiet li ffurmaw mill-użu passat ta’ din iż-żona. Din iż-żona llum se tiġi msebbħa b’numru ta’ siġar indiġeni biex tnaqqas l-impatt viżwali tal-miżbla u tgħin biex din iż-żona tintegra fl-ambjent tal-madwar.
Il-Ministru Farrugia qal li dan il-proġett se jkun qed ibiddel din iż-żona minn miżbla għal żona li tista’ titgawda mill-pubbliku. Fuq kollox, ir-rijabilitazzjoni ta’ din il-miżbla hija importanti għall-art agrikola u għal żoni oħra bi protezzjoni speċjali li jinsabu fil-madwar.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li b’investiment ta’ €4.5 miljun qed jiġu rijabilitati madwar 91,000 mt sq ta’ art li kienet isservi ta’ miżbla f’Wied Fulija fiż-Żurrieq. Hu qal li wara li jitlestew ix-xogħlijiet ta’ preparazzjoni se jinżergħu diversi siġar u arbuxell li se jkunu mhux biss qed isebbħu l-ambjent iżda se jkunu wkoll qed jipprovdu arja nadifa biex ikollna spazju miftuħ li jistgħu jgawduh il-familji. Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li dan il-proġett qed jilħaq għan ambjentali li se jkun qed inaqqas it-tniġġis u l-emissjonijiet tossiċi għall-benefiċċju tan-nies tal-madwar.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca qal li Wasteserv se tkun qed twassal dan il-proġett fl-istadju li jmiss, hekk kif se tkun qed tikkollabora ma’ Birdlife Malta biex tkun tista’ toħloq siti fejn tista’ tbejjet il-Garnija (Yelkouan Shearwaters). Dawn il-bejtiet se jservu sija ta’ rifuġju għal dan l-għasfur u anke bħala żona fejn dan l-għasfur jista’ jkompli jkattar.
Permezz ta’ kollaborazzjoni oħra mal-Malta Beekepers Association, se jkunu qed jitpoġġew numru ta’ kaxxi tan-naħal mal-ġnub tal-pjanuri biex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-ispeċi indiġena ta’ naħal Apis mellifera ruttneri.
Ritratti: (MECP/MFEA_PS)