Ix-xahar id-dieħel pajjiżna se jesperjenza wasla ta’ ajruplani tal-baħar minn Lago di Como. Tħabbar dan waqt seminar dwar is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna.
Matulu intqal li fl-aħħar tliet snin, r-reġistru tal-avjazzjoni esperjenza tkabbir b’xejn inqas minn mitejn u erbgħin ajruplan irreġistrati taħt il-bandiera Maltija.
Dan flimkien ma’ numru dejjem jiżdied ta’ kumpaniji li lokalment qed ifittxu ċ-ċertifikat ta’ operaturi tal-ajru jew tipi oħra ta’ liċenzji li jassigurawlhom l-opportunita’ li joffru servizzi speċjalizzati fl-avjazzjoni.
Il-ministru għat-turiżmu Edward Zammit Lewis sostna li l-kunċett tal-ajruplani tal-baħar jagħmel sens mhux biss mill-aspett ta’ avjazzjoni iżda wkoll minn dak turistiku.
Huwa fisser li l-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur huwa bbażata fuq erba’ għanijiet. Dak li Malta tinbidel f’ġurisdizzjoni aktar attraenti għall-istituzzjonijiet li lesti jiffinanzjaw operazzjonijiet fl-avjazzjoni u li tattira kumpaniji li joperaw fil-kiri tal-ajruplani.
Barra minn hekk, hemm l-għan ukoll li jkunu attirati aktar ħiliet li jissodisfaw id-domanda ta’ din l-industrija filwaqt li jsir titjib fl-infrastruttura meħtieġa mill-kumpaniji biex jistabillixu operazzjonijiet f’pajjiżna.
Żied jgħid li s-settur qed isir kontributur dejjem aktar importanti għas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna u li l-gvern kommess li jimplimenta l-viżjoni għal aktar tkabbir f’dan is-settur fis-snin li ġejjin.