“Wasalt f’punt f’ħajti li kelli bżonn l-għajnuna u l-għajnuna sabet lili flok jien sibt għaliex kien hemm punti fejn jiena ppruvajt intemm ħajti b’idejja.”
Din hija l-istorja ta’ Flora Tanti, li ta’ sentejn kienet adottata mir-Rumanija, u llum taħdem bħala infermiera fil-qasam tas-saħħa mentali.
Ma’ ONE News, il-mara spjegat li meta kellna tnejn u għoxrin sena skopriet li kienet qed tbati minn kundizzjoni msejħa Borderline Personality, li s-sintomi tagħha kienet ilha tħosshom minn meta kellha erbatax-il sena.
Qalet li tul it-tfulija, ħafna kienu jaqbdu magħha għax hija adottata.
Tanti spjegat, “Kien hemm dawk il-ħsibijiet ta, ikollok ħafna mistoqsijiet li m’għandekx risposta għalihom, imma għalfejn ġejt adottata?, x’seta’ ġrali meta kont żgħira? Jiġifieri jkollok dal-ħafna mistoqsijiet illi kważi kważi iktar ma tikber iktar jikbru dawn il-mistoqsijiet, sakemm forsi xi darba issib risposta għalihom. Jiġifieri kien hemm anke, wasal iż-żmien fejn anke ltqajt mal-familjari tiegħi.”
Flora sostniet li meta bdiet tingħata l-għajnuna, ħajjitha nbidlet għall-aħjar u llum il-ġurnata gradwat bħala infermiera u qed tispeċjalizza fil-qasam psikjatriku.
Hi qalet, “Gradwajt bħala nurse, nispeċjalizza fil-psikjatrija u ma nistax inħossni iżjed kuntenta milli jien għaliex meta nħares lura ngħid għaddejt minn affarijiet minn aiffikultajiet, kulħadd jgħaddi minn problemi, però kemm-il darba waqajt, erġajt qomt.”
Flora qaltilna li din is-sena kienet diffiċli għaliha għaliex apparti l-pandemija, tilfet lill-omm adottiva tagħha. Hija xorta tagħżel li tħares lejn l-aspett pożittiv għaliex din is-sena ħalliet il-frott tal-istudji tagħha.
Spjegat, “Ftit tax-xhur ilu, jiena tlift il-mummy tiegħi, għalkemm qisu konna qegħdin nistennew dan il-mument, però ma konniex qed nistennewh daqshekk malajr, allura kien kemmxejn ta’ xokk għall-familja kollha sewwa, jiġifieri, però minn dak kollu, min-negattività li tatna din is-sena, din is-sena wkoll gradwajt.”
Għal dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, Flora appellat biex ifittxu l-għajnuna professjonali u jdawru ruħhom b’nies li jħobbuhom.