It-temperatura llum mistennija tilħaq is-37C u tinħass sa 43C. Mal-lejl it-temperatura tinżel 25C. Ta’ min jgħid li aktarx illum se tkun l-iktar ġurnata sħuna minn din il-mewġa ta’ sħana li laqtet il-gżejjer Maltin, hekk kif mewġa ta’ sħana bdiet tersaq lejn iċ-ċentru tal-Mediterran fil-bidu t’Awwissu. Dan skont rapport fuq FirstMalta.
Jidher li t-temperatura se tibda’ tbatti xi ftit matul il-ġimgħa d-dieħla iżda t-temperaturi mhux se jinżlu viċin il-medja staġjonali qabel nofs Awwissu.
Ir-riħ illum Punent, jsir Varjabbli Forza 2/3.
Importanti li wieħed ikun ċert li jieħu l-prekawzjonijiet kollha jekk se jkun fix-xemx, iqis li jixrob biżżejjed ilma, jilbes ħwejjeġ ħfief u juża il-krema solari.
Apparti minn hekk, kull min għandu xi pet bħala parti mill-familja, importanti li jħallilu kenn fid-dell u jekk jista’ jkun mhux f’post li taħkmu s-sħana, iħalli biżżejjed ilma frisk, u jekk wieħed jiddeċiedi li joħroġ lill-kelb għal dawra – importanti li joħorġu f’ħinijiet adekwati u jiċċekja t-tarmak li se jkun qed jimxi fuqu l-kelb billi jpoġġi wara ta’ idu mal-art ħalli b’hekk il-kelb ma jaħraqx siequ waqt li jkun qed jimxi.