Illejla jibda l-Karnival ta’ Malta fil-Belt Valletta, bi programm varjat mifrux fuq ħamest ijiem ta’ attivitajiet. Dawn jinkludu żfin kompetittiv, karrijiet, maskaruni u stallazzjonijiet.
Il-programm ta’ llum jinkludi żfin kompetittiv minn kumpaniji A B u D, inkluż defile bir-Re tal-Karnival, mill-Karrijiet tal-Kumpaniji taż-żfin Sezzjoni A, u il-Karrijiet Triumfali Sezzjoni Ċ.

Għada u pitgħada, l-attivitajiet jinkludu wkoll il-Qarċilla, li ssir kull siegħa mit-tlieta ta’ wara nofsinhar ’l quddiem. Din se ssir fi Pjazza San Ġwann u ser tkun b’xejn.
Din is-sena se jsir ukoll Ballu Tritoni fit-18, 19 u 21 ta’ Frar, mis-7:30pm ‘l quddiem, bis-sehem ta DJB u DJ Ryan Spiteri. Il-biljetti jistghu jinxtraw minn www.festivals.mt/karnival, kif ukoll mal-bieb.
Għada 18 ta’ Frar isir il-Karnival tat-Tfal fi Pjazza San Ġorġ.
Il-finali ssir it-Tlieta, 21 ta’ Frar, b’eżebizzjoni sabiħa ta’ karrijiet, parati, żfin u mużika tul Triq Sant’Anna, sa tard filgħaxija.


X’inhi l-Qarċilla?
Il-Qarċilla hi tradizzjoni li kienet issir snin ilu l-Belt u fl-irħula. Hi taqbila forma ta’ dramm burlesk, miktuba apposta għal żmien il-Karnival, u tittratta kuntratt fittizju ta’ żwieġ Malti. In-“nutar” jaqra l-kuntratt taż-żwieġ b’vuċi għolja, b’kitba mqabbla u mimlija ħmerijiet u botti.
Oriġinarjament il-qarċilla kienet ftira, b’żewġ figurini li juru l-għarus u l-għarusa fuqha, li kienet tinġarr quddiem l-għarajjes mid-dar sal-knisja u titqiegħed fuq l-artal bħala rigal lill-kappillan.

Biex tara l-programm sħiħ tal-Karnival 2023, agħfas hawn.