Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet li wasal iż-żmien biex il-membri stati tal-Unjoni Ewropea jikkunsidraw jagħmlu t-tilqim kontra l-Covid-19 mandatorju.
Hija spjegat li din għandha tkun xi ħaġa komuni li jadottaw il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea imma saħqet li hemm bżonn diskussjoni dwar dan.
Fir-Renju Unit sa issa nstabu total ta’ tnejn u għoxrin każ tal-varjant il-ġdid, Omicron – tlettax fl-Ingilterra u disgħa oħra fl-Iskozja.
Bħalissa għaddejja kampanja qalila fir-Renju Unit biex kulħadd jitlaqqam bid-doża addizzjonali.
Is-Segretarju tas-Saħħa ħeġġeġ lin-nies biex tkun sensibbli dwar il-festini tal-Milied u biex isir ittestjar regolari wara attivitajiet ma’ nies oħra.
Fl-Awstralja, il-Pulizija arrestat tliet persuni li ħarbu minn lukanda f’nofs ta’ lejl waqt li kienu fi kwarantina.