Issa ż-żmien li mmorru għal-livell li jmiss. Qal dan il-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat, wara s-surplus irreġistrat f’pajjiżna. Fl-Iklin Muscat ta ħarsa lejn dak li wiret il-Gvern fl-elezzjoni li għaddiet. Sptar San Luqa magħluq, l-isptar ġenerali t’Għawdex fi stat tal-mistħija, mediċini out of stock, u laboratorji tal-IVF mhux funzjonanti.
Muscat qal li kienu jeżistu dawn il-laboratorji, imma minħabba grupp ta’ fundamentalisti li għadhom fil-Partit Nazzjonalista sal-ġurnata tal-lum, il-makkinarju mediku meħtieġ tħalla għar-rovina mingħajr użu. Dan kollu minħabba kwistjoni ideoloġika. “Jien ċert li jekk jerġgħu jkunu fil-Gvern, id-dipartiment tal-IVF jagħlquh mill-ġdid” qal Joseph Muscat.
Hawn talab lil Busuttil jieħu deċiżjoni. “Fuq ix-xjenza, jew ħa jkompli miexi fuq it-triq tal-progress, li niddeċiedu fuq dibattiti etiċi, jew imur fi ħdan koalizzjoni tal-konfużjoni, li hemm parti minnha li temmen li għandu jinżamm il-progress”.
Fakkar fil-progress kbir li għamlet din l-amministrazzjoni fil-qasam tas-saħħa. Fost oħrajn fuq il-prinċipju li m’għandux ikun hemm stigma lejn dawk li għandhom bżonn kura mentali, u li kulħadd ħaqqu trattament bi dritt, tant li jekk ma jinqediex se jkun jista’ jmur għand il-privat u jħallas il-Gvern.
“Eżempju ta’ ‘change management’” qal Muscat, u appella kontra l-istess fundamentaliżmu li oppona l-morning after pill u d-drittijiet ċivili. Dan il-moviment, qal il-mexxej Laburista, huwa favur il-progress. Ħaddieħor jieħu pjaċir meta jikkritika u ħela erba’ snin sħaħ, filwaqt li m’għamilx l-istudji li kellu jagħmel.
Kieku kien jippreżenta proposti aktar studjati. Il-Prim Ministru semma ż-żieda fil-kirjiet. Busuttil donnu ma jafx li żiedhom hu u li fil-baġit li għadda dawn il-kirjiet diġà dawwarhom u n-nies qed jirċievu ċ-ċekk id-dar.
Il-miżien, meta tqis it-tajjeb u l-ħażin li għamel dan il-Gvern, ixaqleb bil-ferm lejn it-tajjeb, temm jgħid Joseph Muscat.