“Wasal iż-żmien li jkollna charger Universali Ewropew għall-ismartphones. Wara aktar minn 10 snin ta’ awtoregolazzjoni tal-industrija, is-sitwazzjoni preżenti fejn għandna abbundanza żejda ta’ chargers, kemm fost ditti differenti u kif ukoll fi ħdan id-ditti nfushom, ma nbidlitx u qed tkompli tiffrustra lill-konsumaturi u tkun ta’ ħsara għall-ambjent, ” qal l-Membru Parlamentari Ewropej Agius Saliba.
L-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba qal li 10 snin u żewġ memoranda ta’ ftehim iffirmati minn kumpaniji ewlenin fosthom Nokia, Samsung u Apple, ma kinux biżżejjed biex nimxu ‘l quddiem fuq din il-kwistjoni u sfortunatament, għadna ‘l bogħod mill-mira li jkollna charger universali Ewropew għall-ismartphones.
“Kumpaniji multinazzjonali kbar bħal Apple, qed jibqgħu jinjoraw ir-rakkomandazzjonijiet Ewropej biex jipprovdu soluzzjoni li tipprovdibenefiċċji tanġibbli u immedjati għall-konsumaturi u l-ambjent. Minflok, qed jabbużawmis-sistema b’mod sistematiku għall-gwadanntagħhom stess,”qal Agius Saliba.
Minħabba li l-awtoregolazzjoni ma ħadmitx, il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed taħdem fuq valutazzjonijiet tal-impatt u miżuri regolatorji possibbli biex tipproponi “charger komuni” biex it-tagħmir tar-radju, speċjalment it-telefown ċellulari, ikun aktar komdu għall-konsumaturi u fl-istess ħin jonqsu l-iskart u l-ispejjeż elettroniċi bla bżonn.
Bħala Rapporteur permanenti f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fuq iċ-Ċarġer Universali Ewropew u d-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju, l-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba qal li s-sitwazzjoni hija inkwetanti u ta’ piż żejjed għan-nies. “Charger universali li jaħdem ma’ tagħmir differenti jagħmilha aktar faċli biex jerġgħu jintużaw partijiet elettroniċi qodma, u b’hekk jiġu frankati l-flus u jonqsu l-ispejjeż bla bżonn għall-konsumaturi u għall-ambjent,” qal l-Membru Parlamenatri Ewropew Agius Saliba.
Il-kumpaniji jaqilgħu biljuni ta’ Ewro fis-sena mill-bejgħ ta’ smartphones u chargers rispettivi. Barra minn hekk xi tipi ta’ chargers ġew brevettati u huma proprjetà dawn il-kumpaniji, u b’hekk, kumpaniji oħra mhumiex permessi jipproduċu l-istess tagħmir ta’ ċċarġjar. Din is-sistema qiegħda takkumula aktar minn 51,000 tunnellata ta’ skart elettroniku fis-sena.
“Jiena nilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex jiġu standardizzati ċ-chargers għat-telefowns ċellulari. Madankollu, neħtieġu aktar passi konkreti u għalhekk nemmen li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni Ewropea tmur għal approċċ regolatorju li jagħmel iċ-ċarġer universali obbligatorju,” tenna l-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba meta indirizza lill-Kummissjoni waqt laqgħa tal-Kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur.
“Irridu naġixxu immedjatament fuq din l-inizjattiva, jekk irridu niksbu benefiċċji massimi għall-konsumaturi u l-ambjent, mingħajr ma nagħmlu ħsara lill-innovazzjoni u teknoloġiji innovattivi,” ikkummenta l-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba.