Jien nemmen li hemm bżonn ta’ bilanċ u l-politiċi għandhom jitkellmu ċar man-nies u mhux skont fejn jaqblilhom. Dan qalu Joseph Muscat meta indirizza lil dawk preżenti fil-Għargħur.
Il-Birdlife u l-kaċċaturi jafu fejn qegħdin ma’ Joseph Muscat. Il-mexxej Laburista fakkar li meta sab quddiem wiċċu l-petizzjoni li wasslet biex bilfors kellu jisejjaħ referendum, qal li se jirrispetta l-liġi imma li kien lest joħroġ għonqu li għandha tinżamm l-istaġun.
“Kien hemm numru ta’ ambjentalisti li ma jaħfruli qatt, għax ħriġt għonqi” qal Muscat. Minn naħa l-oħra l-kaċċaturi jilmentaw għax għalaq l-istaġun wara r-referendum u għolew il-multi. “Jien ngħid li fuq il-multi, l-kaċċaturi għandhom raġun. Iżda ridna nagħtu sinjal li m’għandux ikun hemm abbuż”.
Muscat qal li wasal iż-żmien li l-multi jridu jkunu riveduti biex ikunu aktar ġusti. Serraħ ras il-kaċċaturi li l-istaġun tal-kaċċa se jerġa jiftaħ.
“Ma rridux niġu f’sitwazzjoni fejn minoranza tiddeċiedi għal maġġoranza”.Fuq is-suġġet, temm jgħid “what you see is what you get” u li aħjar bniedem ċar milli bniedem li lil Birdlife jgħidilhom mod, imma mbagħad pubblikament jgħid mod ieħor.