Issa li qed inżidu l-aċċess għal ħafna servizzi f’Għawdex, nemmen li wasal iż-żmien li jkun hawn is-servizz ta’ GU clinic fil-gżira Għawdxija wkoll.
Dan qalitu Dr Josianne Cutajar li saħqet kif is-saħħa sesswali mhix biss kwistjoni ta’ saħħa personali imma wkoll ta’ saħħa pubblika.
Il-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista fissret kif fid-dawl tal-avvanzi kollha li qed isiru fil-gżira Għawdxija, speċjalment fil-qasam mediku, bl-iskola ta’ Barts u bl-investiment fl-isptar ġenerali, il-ftuħ ta’ klinika li tieħu ħsieb is-saħħa sesswali tal-komunita’ ikun pass għaqli u fid-direzzjoni t-tajba.
Qed nuru li Għawdex għalina huwa prijorita’ billi kulma jmur qed intejbu l-infrastruttura fiżika u soċjali u ntejbu l-aċċess għall-aqwa servizzi f’Għawdex stess, qalet Dr Cutajar.
Matul is-sena li għaddiet kien hemm madwar 6,000 persuna li marru tal-inqas darba għal vista fil-GU clinic. B’kollox instabu aktar minn 2,000 infezzjoni li ġew trasmessi minn kuntatt sesswali.
Dr Josianne Cutajar innutat il-qabża kbira li saret f’dan ir-rigward f’pajjiżna. L-aktar fejn tidħol l-HIV hekk kif matul is-sena l-oħra għall-ewwel darba bdew jintużaw testijiet li persuna tista’ tagħmel fuqha nnifisha mingħajr il-bżonn ta’ assistenza. Dawn it-testijiet huma pprovduti kemm f’Mater Dei u kif ukoll minn spiżeriji lokali.
Minkejja l-enfasi fuq l-HIV, ir-riskju ta’ infezzjonijiet diversi li jittieħdu mill-kuntatt huwa kbir u għalhekk Cutajar ħeġġet għal aktar edukazzjoni sesswali speċjalment fost it-tfal u fost iż-żgħażagħ għax fi kliemha l-prevenzjoni hija dejjem aqwa mill-kura.