Tliet ijiem qabel il-poplu Malti jibda jivvota u għaxar t’ijiem qabel id-data tat-3 ta’ Ġunju, il-jum tal-verdett tal-poplu Malti, il-Partit Nazzjonalista preżenta l-manifest elettorali tiegħu.
Manifest li tnieda ferm iktar tard minn dak maħsub għax ma tlestiex għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hi li l-Partit Nazzjonalista ma kienx imħejji għall-elezzjoni ġenerali u t-tieni li Marlene Farrugia u tal-Partit Demokratiku oġġezzjonaw għall-partijiet minnu u kellhom jinbidlu.
Iżda, fil-Kunsill Ġenerali li tlaqqa’ biex japprova dan il-manifest elettorali l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil ftit li xejn kellu xi jgħid dwaru.
Fil-fatt uża l-maġġoranza tal-ħin tiegħu biex jirrepeti dak li qal fil-laqgħat kollha tal-kampanja elettorali u attakka l-Prim Ministru. Fil-fatt lill-membri tal-Kunsill Ġenerali avżahom mill-bidu u qalilhom li mhux se jidħol fid-dettall tal-proposti.