Wasal fl-aħħar stadju tiegħu l-proġett tal-Bypass ta’ Wied il-Għajn, li qed jara l-bini mill-ġdid ta’ Triq Wied il-Għajn u Triq Ħaż-Żabbar, li flimkien jgħaqqdu l-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn u ta’ Ħaż-Żabbar.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Infrastructure Malta, Ivan Falzon, waqt żjara li għamlu fuq is-sit.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ tliet miljun u sitt mitt elf ewro, u, kif spjega l-Ministru Farrugia, jikkonsisti fil-bini mill-ġdid tal-karreġġjati taż-żewġ toroq, li ġew iddisinjati mill-ġdid għal iktar sigurtà fit-triq.
“Għall-ewwel darba se naraw bankini fi triq fejn qabel ma kienx hawn bankini u, għalhekk, nuqqas ta’ sigurtà. Qed naraw ukoll li se jkun hawn sigurtà kemm għal dawk li se jużaw il-bike lane – li se tkun segregata – imma wkoll se jkollok l-opportunitajiet li timxi fit-triq u issa se jkun hemm bankini b’aktar sigurtà.”
Il-korsija l-ġdida għall-mixi u għar-roti hija twila kilometru tul iż-żewġ toroq biex,inkoraġġixxi l-użu ta’ modi alternattivi ta’ trasport, b’konnessjoni aktar sigura u effiċjenti bejn iż-żewġ lokalitajiet.
Il-Perit tal-Infrastructure Malta Albert Spiteri spjega bosta xogħlijiet li saru f’dan il-proġett, fosthom 1.4 kilometri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, 1.4 kilometri ta’ bankini ġodda, u kilometru ta’ dwal tat-triq ġodda.
“Introduċejna numru ta’ servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-ilma u anke tad-drenaġġ. Rajna wkoll li nintroduċu street lighting ġdid biex b’hekk ikkreajna sistema ġdida biex ikun jista’ jinxtegħel it-tul kollu tat-triq. Rajna wkoll li f’ċerti partijiet tat-triq kien hemm bżonn li jinbnew il-ħitan mill-ġdid biex b’hekk il-bażi tat-triq setgħet tinbena fuq pedament sod.”