Wasal fl-aħħar fażi tiegħu l-proġett tal-promenade f’Marsalforn Għawdex, sabiex fix-xhur li ġejjin, partikolarment fis-sajf, ikun lest u jibda jitgawda mill-eluf ta’ Għawdxin, Maltin u turisti li ta’ kull sena jżuru dan il-post pittoresk.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega kif dan il-proġett se jsebbaħ iż-żona biswit waħda mill-aktar bajjiet popolari f’pajjiżna.
Qal kif, “Bħalissa għaddejjin bl-aħħar xogħlijiet tal-waterfront ta’ Marsalforn irrid ngħid li wasalna issa sa 65% tax-xogħol huwa komplut fejn qegħdin nibdlu mhux biss il-wiċċ iżda qed nibdlu s-servizzi kollha u għaldaqstant żgur se nkunu qegħdin nagħtu dehra ġdida u mill-isbaħ lill-waterfront u lill-menqa li hija lesta.”
Il-Ministru Camilleri saħaq li dan il-proġett jirrifletti l-ħdima ta’ dan il-Gvern sabiex Marsalforn issir ċentru turistiku u ta’ divertiment, hekk kif fl-istess ħin tkun qed tistimula aktar investimenti fl-industrija turistika lokali.
Min-naħa tiegħu l-Perit tal-proġett Shawn Micallef spjega kif dan l-investiment kruċjali fil-gżira tat-tliet għoljiet se jsolvi waħda mill-akbar problemi f’Marsalforn, dik tal-għarar.
Spjega li, Ix-xogħol għaddej b’rittmu tajjeb ħafna. Bħalissa għaddejjin f’din il-fażi ta’ pavimentar u servizzi li jinkludu stormwater culverts biex jindirizzaw l-għarar f’din iż-żona minħabba l-problema kbira u kif ukoll servizzi ta’ drenaġġ. Prattikament qed naraw li sas-sajf ikollna dan il-proġett maqgħud u jitgawda mill-pubbliku inġenerali.”
Apparti t-tisbieħ tal-promenade, il-proġett se jervi ta’ għajnuna mill-akbar għad-diversi ristoranti li joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet f’din iż-żona.
Intant, jikkumplimenta dan l-investiment hemm dawk tal-Menqa u l-breakwater f’Marsalforn stess.