L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta daqt tlesti l-proġett li permezz tiegħu qed jittejjeb u jissebbaħ Misraħ is-Suq fiż-Żejtun, iż-żona fejn jarma l-monti f’din il-lokalità u li għal ħafna snin tħalla fi stat ta’ telqa.
Dan b’investiment ta’ madwar tlett mitt elf ewro.
Il-misraħ ġie ddisinjat mill-ġdid biex isir l-aħjar użu possibbli mill-ispazju disponibbli billi fost l-oħrajn se jiġi organizzat il-parkeġġ li se jkun jesa’ kważi tmenin karozza bi spazju riservat għall-muturi, kif ukoll dħul u ħruġ minnu li huwa aktar sigur.
F’dan il-Misraħ saru anke rampi biex jitjieb l-aċċess għal persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti kif ukoll ser tinbena mill-ġdid il-latrina pubblika.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi spjega li l-aġenzija ħolqot ukoll spazji ġodda fejn ser jitħawwlu mas-sitta u erbgħin siġra u mitejn u ħamsin arbuxell ta’ speċi differenti li jikludu ballut, siġra ta’ Ġuda, fraxxnu u rand, b’żieda ma’ dawk li diġà kien hemm.
Huwa spjega wkoll li inbena ġibjun ta’ ħamsa u sebgħin litru biex l-ilma li jinħażen fih jintuża għat-tisqija tas-siġar u l-arbuxelli.
Azzopardi tenna, “Din il-pjazza ta’ waraja kienet pjazza mitluqa fejn kulħadd kien jipparkja mingħajr l-ebda direzzjoni, u allura inħass il-bżonn li l- nagħmlu uprgade ta’ din iż-żona. Mhux biss parkeġġ imma anke dawl ġdid.’
Intant, kemm ilha mwaqqfa din l-aġenzija investiet aktar minn tmien miljun ewro biex bniet mil-ġdid ħdax-il triq oħra fiż-Żejtun inkluż rotot prinċipali li joffru aċċess aħjar għal din il-lokalità.
Dawn jinkludu Triq il-President Anton Buttigieg, rotta ewlenija li minn Bir id-Deheb twassal lejn in-naħa t’isfel taż-Żejtun.
L-aġenzija lestiet ukoll il-bini mill-ġdid ta’ Vjal il-Ħamsa u Għoxrin ta’ Novembru, triq prinċipali oħra li mit-Triq tal-Barrani twassal għaż-Żejtun u l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kbira.
Il-Kap Eżekuttiv spjega, ‘Għamilna diversi proġetti fiż-Żejtun, għamilna aktar minn ħdax-il triq, b’investiment ta’ aktar minn tmien miljun. Allura naħseb li bħala xogħol li qed twettaq Infrastructure Malta fl-aħħar snin, il-lokalità taż-Żejtun hija lokalità li bbenefikat tajjeb minn dan l-investiment. ‘