Wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu l-ewwel proġett internazzjonali tal-Enemalta u tax-Shangai Electric Power fil-Montenegro b’investiment ta’ aktar minn tmenin miljun ewro.
Il-proġett fuq waħda mill-muntanji ta’ Mozura fil-Montengro mistenni jibda jiġġenera sitta u erbgħin mega watt ta’ elettriku minn tlieta u għoxrin turbina tar-riħ tal-aqwa teknoloġija.
Waqt żjara mill-Minitru għall-Enerġija Joe Mizzi fuq is-sit tal-proġett li hu mifrux fuq aktar minn tmien kilometri, ingħad li l-proġett ra l-ħidma kkordinata ta’ konsorzju internazzjonali magħmul mill-Enemalta, ix-Shangai Eletric, il-kumpanija Vestigo Capital mir-Renju Unit u Envision Energy, waħda mill-akbar manifatturi tat-turbini tar-riħ fiċ-ċina.
Id-Direttur Eżekuttiv responsabbli mill-Proġett Li Jianchao qal li l-proġett ta’ Mozura wind park beda f’Diċembru tas-sena li għaddiet u t-tqegħid tat-23 turbina tar-rih tlesta fl-ewwel ta’ Awwissu ta’ din is -sena.
Huwa żied jgħid li dan il-proċess wassal biex is-substaion ingħaqdet man-network ta’ Montenegro f’nofs Novembru li għadda.
Waqt laqgħat li l-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi kellu mal-Ministru għall-Enerġija tal-Montenegro Dragica Sekulic, ġie spjegat li dan il-proġett huwa wieħed mill-passi strateġiċi għall-iżvilupp fis-settur tal-enerġija nadifa u li tiġġedded fl-Ewropa.
Il-Ministru Mizzi qal li dan il-proġett mhx biss se jħalli effett pożittiv fuq il-Montenegro bit-tnaqqis fl-emissjonijiet, iżda se jkompli jgħin biex l-Enemalta ttejjeb il-qagħda finanzjarja tagħha. Żied li dan il-proġett, l-ewwel tax-xorta tiegħu għall-Enemalta huwa konferma ta’ kif il-Gvern dawwa l-Enemalta minn kumpanija li kienet stmatha ewro fi żmien amministrazzjoni preċedenti għal kumpanija li tinvesti fi proġetti li jrendu.