Mandy Vella.
Xempju tal-kuraġġ u d-determinazzjoni fil-ħajja.
Ta’ tliet snin it-tobba indunaw li għandha kundizzjoni ġenetika tas-Cystic Fibrosis li bdiet gradwalment tħalliha bla saħħa minħabba anki kumplikazzjonijiet fil-pulmun.
Lil Mandy morna nkellmuha f’darha fiż-Żurrieq u filwaqt li sibniha tilqana għaliex kienet kommessa li bl-istorja tagħha tkun ispirazzjoni għal oħrajn li jinsabu qed jgħixu fit-tbatija tal-mard, Mandy qaltilna li fi tfulitha kien hemm xi ħaġa iebsa li baqgħet tagħtiha ġewwa.
“Jiena meta kont l-iskola ġieli kien hemm parents eżempju li qalu t-tfal tagħhom biex ma jibqgħux ikellmuni jew ma jibqgħux ħdejja iżda fil-verità iktar nista’ nieħu jiena minnhom milli huma jistgħu jieħdu xi ħaġa minni għaliex jiena li għandi ġenetika u m’hiex xi ħaġa li titieħed,” qalet Mandy.
Kienet din l-imarġinazzjoni li ġarrbet fl-iskola li għandha twassal aktar għarfien dwar is-cystic fibrosis u biex nies bħalha jkollhom l-isfidi tagħhom inqas diffiċli.
“Bdejt ninduna wkoll li anki tfal żgħar li jkunu ġol-iskejjel qed ibatu minn nuqqas ta’ awareness fuq is-CF u allura ma jkunux jistgħu jgħinu CF li jkollu fil-klassi tagħhom u ddeċidejt li nitkellem biex forsi hawn Malta jkun hawn iktar awareness u l-ħajja tagħna tkun naqra iktar faċli,” kompliet tgħid Mandy.
Ma’ ONE News Mandy twassal xewqa li tixtieqha tagħmel sabiex tassew dan is-suġġett ma jibqax tabù.
“Nixtieq ħafna anzi illi nkabbru l-awareness u anki forsi mmur nibda nagħmel talks fl-iskejjel. Anki jekk ikun hemm tfal bis-CF ikun hemm xi ħadd illi actually jitkellem għalihom dawn it-tfal għax jiena għaddejt minnha,” spjegat Mandy.
Fuq kollox, Mandy tgħallimna tagħlima sempliċi iżda siewja fil-ħajja li qisha bħal dik il-mogħdija li fiha t-tlajja’ u l-inżul.
“Kuraġġ irid ikollok dejjem. Ġieli jiġu ġranet illi ifhmni nkun qed inħossni naqra down imma kulħadd tiġrilu pero what’s the use illi noqgħod bilqiegħda u noqgħod nitħassar lili nnifsi. Hekk tqum u tirringrazzja l’Alla li tak ġurnata oħra u tipprova tkompli ‘l quddiem,” temmet tgħid.