Il-każ ta’ żewġ żgħażagħ gradwati fil-liġi li fl-aħħar xhur il-Kamra tal-Avukati opponiet li jingħataw il-warrant hu wieħed inġust.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd li fi storja fil-faċċata tal-gazzetta uriet kif kien hemm student ieħor li gradwa u għadda mill-eżami tal-istess warrant fl-istess żmien u minkejja li fl-imgħoddi kellu każ mal-ġustizzja ngħata l-warrant.
Jirriżulta li f’dan il-każ kien hemm konklużjonijiet iktar gravi minn ta’ dawn iż-żewġ studenti li sabu kampanja kontra tagħhom mit-Times of Malta, gruppi ta’ midja soċjali u persuni qrib l-Oppożizzjoni.
Iktar minn hekk l-istess persuna, illum avukat bil-warrant, għandu każ ieħor pendenti allegatament għax ħebb għal uffiċjal pubbliku.
Il-gazzetta KullĦadd qalet li mhix tippubblika isem dan l-istudent għaliex nemmnu li ladarba l-bord ta’ ġudikanti ħassew li dan l-istudent għandu jingħata t-tieni ċans m’għandniex inkunu aħna li nħammġuh inġustament u nxekklulu l-karriera.
Nemmnu li la l-bord tal-ġudikanti taw it-tieni ċans m’għandniex inkunu aħna li nħammġuh
Fissru dan kollu mkejjen fil-Qorti li sostnew li dan il-każ hu evidenza ċara li l-każ ta’ Yanica Barbara u Thomas Sant, iż-żewġ studenti li l-Kamra tal-Avukati opponiet li jingħataw il-warrant għandu xamma ta’ preġudizzju u skopijiet ulterjuri li għalkemm hemm suspetti tagħhom mhumiex magħrufa pubblikament.
L-istess imkejjen attribwew ukoll ċerti kummenti għall-kampanja li bdiet it-Times of Malta permezz tal-ġurnalist Ivan Camilleri biex huma ma jingħatawx il-warrant. Barbara u Sant fil-fatt ma nstabux ħatja anke jekk ammettew l-akkużi kontra tagħhom.
F’dikjarazzjoni rari u bi kliem meqjus, l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u l-Maġistrati kienet tkellmet dwar dan il-każ.
L-assoċjazzjoni tal-ġudikanti kienet spjegat li fil-verità ż-żewġ avukati Sant u Barbara ngħataw il-libertà kundizzjonata u mhux sentenza sospiża.
Dan ifisser li ż-żewġ avukati li qagħdu għall-eżami tal-warrant quddiem iż-żewġ imħallfin kellhom kondotta nadifa.
Huwa minnu li dawn kienu ngħataw conditional discharge, issa jekk wieħed iqis il-liġi tal-probation li taħtha tingħata l-conditional discharge jinduna li conditional discharge mhijiex ostaklu biex tingħata warrant.
Il-liġi taċ-ċertifikati tal-kondotta tgħid ukoll li kull deċiżjoni taħt il-liġi tal-probation ma taffettwax il-kondotta.
L-aħbar li kien hemm min oppona li dawn iż-żgħażagħ jingħataw il-warrant kienet waslet għal rabja kbira fis-soċjetà, b’ħafna jargumentaw x’messaġġ inkunu qed nibagħtu jekk nikkundannaw lil xi ħadd għal għomru għal żball f’żgħożitu.
Filwaqt li l-Ministru għall-Ġustizzja kkonferma fl-aħħar jiem li se jkun qed jagħti l-warrant għax se jimxi fuq il-parir tal-ġudikanti.