Dalgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Prim Ministru tkellem fuq is-sistema tal-Gwardjani Lokali li tjiebet ħafna permezz tal-LESA u sostna li filwaqt li huwa jemmen ħafna fis-settur privat, fil-qasam tal-Gwardjani Lokali ma jagħmilx sens li dawn jibqgħu impjegati tas-settur privat.
Għalhekk, dalwaqt se tibda konsultazzjoni dwar proċess li għandu jwassal biex il-wardens li hemm impjegati sal-ġurnata tal-lum mal-privat, jgħaddu mal-Gvern u jiffurmaw dipartiment magħluq li minnu ma jistgħux isiru trasferimenti.
“Il-kredibiltà tagħna se tkun li twassal lil familji u negozji jafdawna li ntejjbu s-sigurtà fil-pajjiż. Pajjiżna diġa’ huwa sigur u minn dejjem kien hekk, iżda affarijiet li ġraw dan l-aħħar bejn baned kriminali, fejn setgħu weġġgħu nies innoċenti, huma innaċċettabbli. Filwaqt li nibqgħu niddefendu kull dritt tal-akkużati, qegħdin naħdmu fuq liġijiet ġodda li se jagħtu poteri akbar lill-investigaturi meta jitrattaw każijiet bħal dawn. Fuq kollox, din hija kwistjoni fejn trid tinkiser l-omertà” saħaq Joseph Muscat.