Aktar tard illum, il-Parlament se jivvota fuq numru ta’ suġġetti importanti.Dawk ewlenin se jkunu l-Budget għall-2023 u t-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi maħsub biex jipprovdu kjarifika dwar il-parametri fil-Kodiċi Kriminali li għandhom japplikaw għal ċirkostanzi ta’ neċessità fejn ikun meħtieġ intervent mediku biex tkun protetta l-ħajja u s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika.
Il-Budget għas-sena d-dieħla huwa miżgħud b’miżuri li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fl-aħħar ġimgħat, fid-diskussjoni tal-estimi finanzjarji fil-Parlament, kull Ministeru spjega l-miżuri li se jiġu implimentati matul is-sena d-dieħla u anke dwar ix-xogħol li twettaq fix-xhur li għaddew f’kull qasam.
Fil-Budget 2023, ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru li għadda, is-settur tal-enerġija ngħata prominenza qawwija, hekk il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn €600 miljun sabiex itaffi mill-piżijiet tal-isfidi internazzjonali b’rabta ma’ dan il-qasam. B’hekk, għal darb’oħra, il-Gvern se jerġa’ jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Il-Budget ta’ Malta ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea mingħajr ma pajjiżna ntalab jieħu ebda miżuri biex jiġi konformi mar-regoli Ewropej, kif kien il-każ ma’ diversi Stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li l-Budget mhux biss ġie approvat, iżda għal darb’oħra ngħata ċertifikat ta’ kredibbiltà għal pajjiżna fis-settur tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi.
Iktar minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha fiduċja fil-miri li tpoġġew fil-Budget tal-Gvern, li offra ċertezza u stabbiltà.
Illum il-Parlament se jkun qed jivvota wkoll dwar l-emenda legali proposta li se tagħti aktar protezzjoni lit-tobba u lill-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet serji waqt it-tqala li jpoġġulha ħajjitha f’risku jew saħħitha f’periklu.
Permezz ta’ din l-emenda, qed tiġi ċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib kuranti u tal-omm f’ċirkostanzi fejn it-tqala twassal biex l-omm tħabbat wiċċha ma’ kumplikazzjoni medika serja.
Il-vot se jkun qed jittieħdet fuq it-tieni qari ta’ din l-emenda, wara li fl-aħħar ġimgħat sar dibattitu minn membri taż-żewġ naħat tal-Kamra dwar dan is-suġġett.