Issokta l-investiment fil-Korp tal-Pulizija biex ikompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-komunità u jkun mhux biss ta’ servizz aqwa imma joffri wkoll ambjent aħjar lill-Uffiċjali tal-Pulizija.
Dan billi reġa’ fetaħ il-bibien tal-Għassa tal-Gżira wara xogħol estensiv ta’ rinovar, hekk kif l-Għassa kienet fi stat ta’ abbandun għal ħafna snin. Bl-għan hu li toffri servizz u tissaħħaħ is-sigurtà għar-residenti Gżirjani u l-madwar.
Il-Ministru Byron Camilleri tenna li qatt daqs illum ma l-Korp tal-Pulizija kellu preżenza qawwija fil-komunità u li dan il-Gvern qed ikompli jsaħħaħha bi proġetti bħal dawn.
“Din il-preżenza issa saħħaħnieha wkoll fil-lokalità tal-Gżira sabiex naqdu lir-residenti tal-Gżira u anke tal-madwar, dan jingħaqad ma’ preżenza qawwija fil-komunità li qiegħda twassalna wkoll sabiex pajjiżna fl-aħħar snin naqqas il-kriminalità. Ukoll qed noffru ambjent aħjar lill-membri tal-Pulizija li mhux biss saħħaħna l-kundizzjonijiet u drittijiet tagħhom imma anke l-ambjent tagħhom fuq il-post tax-xogħol.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Ix-xogħlijiet li ġew konklużi fil-Gżira, li inkludew rinovar estensiv mhux biss fil-binja iżda anke fuq il-faċċata, jingħaqdu ma’ bosta xogħlijiet oħra li għaddejjin fuq numru ta’ għases fosthom fl-Imsida, il-Ħamrun, ir-Rabat u l-Imtarfa – li minn Uffiċċju tal-Pulizija tal-Komunità ser jinbidel fit-tieni Domestic Violence Hub fil-pajjiż, fost oħrajn.
Dan fi sfond li fl-aħħar snin il-Gvern fetaħ għassa tal-Pulizija ġdida state-of-the-art f’Marsaskala, fetaħ l-ewwel Gender and Domestic Violence Unit f’Santa Luċija, għamel rinovar totali f’numru ta’ għases bħal dawk ta’ Marsalforn u s-Siġġiewi li llum qed joperaw 24/7 filwaqt li bidel għases sekondarji li tradizzjonalment kienu jkunu magħluqa u bdew jiġu konvertiti bħala uffiċini tal-community policing filwaqt li fetaħ oħrajn ġodda bħal dak f’Marsaxlokk. Dan filwaqt li ġiet ukoll introdotta l-faċilità ta’ remote reporting fejn persuna jkun jista’ jagħmel rapport mill-kumdità ta’ daru filwaqt li xorta waħda jkollu komunikazzjoni mal-Pulizija anke b’mod virtwali.
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà tenna li dawn x-xogħlijiet huma ntiżi biex jipprovdu post tax-xogħol komdu għall-Pulizija.
“L-għases tal-Pulizija l-postijiet li noperaw fihom ikunu postijiet fejn il-pulizija jħossuhom komdi motivati għaliex fl-aħħar mil-aħħar is-sevizz lill-pubbliku jkun wieħed aħjar.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà
Fil-fatt, mhux biss l-istatistika tal-NSO tgħid li 90% tal-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja fil-Pulizija iżda anke r-Rule of Law Index jgħid li s-sigurtà ta’ pajjiżna hi waħda b’saħħitha u jpoġġi lil Malta mal-iktar għaxar pajjiżi siguri fid-dinja.
Is-Sindku tal-Gżira, Neville Chetcuti wkoll laqa’ dan l-investiment.
“Illum hija ġurnata speċjali għalina l-Gżirjani speċjalment għar-residenti, hekk kif se jkollna preżenza aqwa ta’ Pulizija fil-lokalità tagħna, il-ftuħ ta’ din l-Għassa, tfisser preżenza aqwa tal-Pulizija.”
Is-Sindku Neville Chetcuti
Is-Surġent Rachel Gatt qalet li personalment kellha l-opportunità li tara d-differenza li saret fl-Għassa tal-Gżira hekk kif laħqitha kif kienet qabel u issa għandha l-opportunità li tgawdiha wara li sar ir-rinovar.
“Nista’ ngħid li entużjasta ħafna biex naħdem f’dan il-post daqshekk sabiħ u li jista’ jintuża aħjar biex nagħtu servizz professjonali lill-komunità filwaqt li aħna naħdmu f’ambjent sabiħ u nadif.”
Is-Surġent Rachel Gatt
L-investiment fl-għases jingħaqad mal-investiment fir-riżorsa umana b’aktar drittijiet u titjib sinifikanti fil-kundizzjonijiet tal-Pulizija, immodernizzar tal-flotta u l-għodod li jaħdmu bihom, l-introduzzjoni tal-body-worn cameras u titjib kontinwu fl-ambjent tax-xogħol, anke b’uniformi moderna u aktar prattika.