Fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta llum, 15 ta’ Novembru, 2016, ġie reġistrat it-twelid ta’ tifla ta’ tmien snin li twieldet fuq il-baħar, f’dgħajsa tal-migranti, fit-2 ta’ Novembru, 2008.
Ir-reġistrazzjoni seħħet wara każ legali twil u emenda li saret fil-Liġi Maltija fl-2015. Fl-2009, l-omm u bintha marru Franza. Peress li kienet għadha bla ċertifikat tat-twelid, it-tifla dak in-nhar setgħet issiefer bis-saħħa ta’ dokument speċjali maħruġ lilha mill-awtoritajiet Franċiżi. FI stqarrija il-Kummissjoni Emigranti spjegaw li llum stess iċ-ċertifikat tat-twelid tal-bint ingħata lill-Ambaxxata Franċiża, b’talba biex dan jingħata lill-omm u l-bint konċernati.
CHAMA Hatra, mis-Somalja, mara tqila tistenna tarbija, flimkien ma’ kważi 70 passiġġier ieħor, fosthom Abdi Ali Sahra, mara oħra tqila, fl-1 ta’ Novembru, 2008, telqu mil-Libja fuq dgħajsa bit-tir li jfittxu kenn f’xi art fl-Ewropa. L-għada, 2 ta’ Novembru, CHAMA Hatra, mgħejjuna minn nisa oħra, welldet tarbija (tifla) fuq id-dgħajsa u semmietha MUNA.
Fit-3 ta’ Novembru, 2008, ħakem maltemp qawwi. CHAMA Hatra, flimkien ma’ bintha u l-passiġġieri l-oħra ġew salvati minn vapur Russu, jismu: “Yelena Shatrova”. Il-Kaptan tal-vapur immedjatament bagħat distress call lill-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) jgħarrafhom li eleva 68 persuna minn fuq dgħajsa.
L-għada, il-FAM bagħtu patrol boat (PB52) biex tiġbor il-passiġġieri minn fuq il-Yelena Shaltrova, iżda minħabba l-qawwa tal-baħar il-patrol boat ma setgħetx twettaq din l-operazzjoni. Għalhekk, sar arranġament biex il-vapur jidħol Malta bil-passiġġieri. Sadattant, Abdi Ali Sahra, il-mara l-oħra tqila, bdiet turi sinjali li kienet waslet biex twelled. Il-FAM ħaduha b’ħelikopter minn fuq il-vapur għall-Isptar Mater Dei.
L-omm applikat għal protezzjoni internazzjonali għaliha u għal bintha. B’riżultat ta’ din l-applikazzjoni, nhar il-15 Jannar, 2009, huma ngħataw protezzjoni sussidjarja. It-twelid tat-tewmin ulied Abdi Ali Sahra, imwielda fl-Isptar Mater Dei nhar il-5 ta’ Novembru, 2008, ġie reġistrat fir-Reġistru Pubbliku, Valletta. Iżda t-twelid ta’ MUNA, bint Chama Hatra, minkejja d-diversi tentattivi min-naħa tal-Kummissjoni Emigranti, baqa’ ma ġiex reġistrat.
Ir-reġistrazzjoni tat-twelid tat-tarbija MUNA la setgħet issir fis-Somalja, l-art li minnha ħarbet ommha, u lanqas fil-Libja, l-art li fiha ommha għexet fil-moħbi għal xi żmien, nhar l-20 ta’ Frar, 2009, ommha ġiet mgħejjuna tagħmel dikjarazzjoni f’Dar l-Emigrant dwar it-twelid tat-tarbija MUNA fuq il-baħar, fil-preżenza tat-tliet nisa li kienu fuq id-dgħajsa u assistewha fil-ħin tat-twelid tat-tarbija, Muna. Nhar it-2 ta’ Marzu, 2009, din id-dikjarazzjoni ġiet konfermata min-nisa bil-ġurament fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Nhar it-12 ta’ Mejju, 2014, l-Ombudsman, il-Prim Imħallef Emeritus Dr J. Said Pullicino, bagħat lill-Kummissjoni Emigranti kopja ta’ ittra mibgħuta lill-Uffiċċju tiegħu mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari, fid- 29 ta’ April, 2014, li tgħid li kien hemm ħsieb li l-Kodiċi Ċivili jiġi emendat sabiex jippermetti lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jibda jaċċetta dawn it-tip ta’ reġistrazzjonijiet wara li jkunu saru l-verifiki neċessarji.
L-emenda saret permezz ta’ addizzjoni ma’ Artiklu 285 tal-Kodiċi Ċivili. Mal-aħbar tal-emenda, il-Kummissjoni Emigranti ħadet ħsieb tagħmel kuntatt ma’ Chama Hatra fi Franza, biex tinfurmaha u tistedinha tiġi Malta tapplika għar-reġistrazzjoni tat-twelid ta’ bintha Muna u tieħu magħha kopja ta’ dan iċ-ċertifikat.
Madankollu, nhar it-8 ta’ Lulju, 2015, il-Kummissjoni Emigranti ġiet imgħarrfa minn Uffiċjal Legali tar-Reġistru Pubbliku, li wara li s-Senior Management tar-Reġistru Pubbliku ħa in konsiderazzjoni l-fatti tal-każ, inkluża informazzjoni mogħtija mill-Forzi Armati ta’ Malta, mill-Pulizija u mill-Isptar Mater Dei, u anke ħa parir mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar dak li jipprovdi Artiklu 285A tal-Kodiċi Ċivili, ġie deċiż illi fid-dawl tal-fatti, ir-reġistrazzjoni tat-twelid ta’ MUNA bint Chama Hatra fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta ma tistax issir.
Wara dan l-iżvilupp, il-kontenut tal-emenda li saret bil-pubblikazzjoni ta’ Artiklu 285A tal-Kodici Ċivili ġie ttrattat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman maż-żewġ Ministeri konċernati, u kien hemm qbil li l-Artiklu 285A jiġi rivedut. Hawn, l-Avukat Azzopardi, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Emigranti, ħejja appell mis-sentenza mogħtija mill-Qorti f’Lulju 2009. Huwa talab lill-Qorti tal-Appell tilqa’ t-talba għar-reġistrazzjoni tat-twelid ta’ Chama Muna.
Nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Settembru, 2016, il-Qorti tal-Appell qablet li, f’dan l-appell, il-Qorti jidhrilha li għandha tieħu konsiderazzjoni tal-emenda fil-Kodiċi Ċivili li daħlet fis-seħħ permezz tal-Att numru XII tal-2015 u allura wara l-pronunzjament tas-sentenza appellata.
Il-Qorti kkunsidrat li dan ġab miegħu l-introduzzjoni ta’ Artiklu ġdid (285A) fejn, fil-fehma tal-Qorti, għalkemm il-bastiment li fuqu twieldet it-tarbija ma kienx l-istess bastiment li daħal fil-port f’Malta, il-bastiment li daħal Malta għandu, fiċ-ċirkustanzi speċjali ta’ dan il-każ, jitqies estensjoni tal-bastiment li fuqu twieldet it-tarbija.
Dan fid-dawl tal-fatt li t-tarbija u ommha ġew imġiegħla b’forza maġġuri jittrasferixxu rwieħħhom fuq il-bastiment li, eventwalment, daħal Malta għal raġunijiet impellenti sabiex tiġi salvata ħajjithom. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti irrevokat is-sentenza ta’ Lulju 2009, laqgħet it-talba għar-reġistrazzjoni tat-twelid ta’ Muna u awtorizzat u ordnat li din issir.