Militanti Islamisti tal-grupp estremist Boko Haram ħelsu 82 bniet tal-iskola mill-grupp ta’ 276 li kienu ħatfu fin-Niġerja tliet snin ilu.
Huma ngħataw lura wara li sar negozjat li jeħilsu għadd mit-tfajliet, basta jeħilsulhom persuni li kienu qed jinżammu bħala suspettati mal-Boko Haram.
Il-bniet se jkunu qed jiltaqgħu ma’ President Muhammadu Buhari f’Abuja.
Il-ħtif, li hi magħrufa aktar bl-isem ta’ “Chibok girls” kienet qajmet agħa kbira u kif ukoll kampanja kbira fuq il-midja soċjali.
Qabel ma nħelsu dawn it-tfajliet, madwar 195 tifla kienu għadhom meqjusa neqsin.
In-numru ta’ suspettati tal-Boko Haram inħelsu mill-awtoritajiet għadu mhux magħruf.
It-82 tifla tal-iskola issa jinsabu fil-kustodja tal-armata Niġerjana u nġiebu fuq konvoj mill-bażi militari rimota f’Banki qrib il-Cameroon.