Wara t-traġedja li għaddha minnha t-tim Chapecoense, għall-ewwel darba reġa’ rritorna fil-grawnd. Ritorn differenti hekk kif il-maġġoranza tal-plejers ta’ dan it-tim tilfu ħajjithom fid-29 ta’ Novembru f’traġedja bl-ajruplan u għalhekk qed naraw ritorn b’uċuħ ġodda.
Kienu propju 71 persuna li mietu f’din it-traġedja, b’dsatax minnhom ikunu l-plejers tat-tim Brażiljan u l-istaff. L-ajruplan kien fi triqtu lejn il-Kolombja biex jilgħab il-finali tal-Copa Sudamericana.
It-tim irnexxielu jgħaqqad 22 plejer ġdid u ospitaw liċ-champions tal-kampjonat Brażiljan Palmeiras f’logħba ta’ ħbiberija fil-jum tas-Sibt.
Tliet plejers li salvaw mit-traġedja rċivew il-Copa Sudamericana qabel il-logħba fil-grawnd Arena Conda. Il-gowler Jackson Follmann u d-difensuri Neto u Alan Ruschel kienu fost dawk li salvaw. Huma rċivew it-trofew u medalji flimkien mal-familji tal-vittmi quddiem għoxrin elf spetattur fil-grawnd ta’ Chapecoense, filwaqt li persuna oħra li salva, il-korrispondent tar-radju Rafael henzel, kien il-kummentatur tal-logħba.
Il-logħba waqfet fil-71 minuta hekk kif iż-żewġ timijiet u l-partitarji qamu bil-wieqfa u ċapċpu f’turija ta’ rispett lill-vittmi. Il-logħba spiċċat fi draw ta’ tnejn bi tnejn, b’Douglas Grolli u Amaral jiskurjaw il-gowls ta’ Chapecoense.