Analisti jantiċipaw li l-effetti pożittivi tal-miżura ‘Stabbiltà’, li mill-bidu ta’ Frar raħħset il-prezzijiet ta’ aktar minn 400 prodott tal-ikel essenzjali u se jibqgħu stabbli sa mill-inqas Ottubru li ġej, se jkomplu jirrankaw u jrażżnu l-inflazzjoni, simili kif seħħ b’mod sinifikanti anke x-xahar li għadda.
L-aġenzija tal-istatistika Ewropea, il-Eurostat, qalet li f’Marzu r-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna reġgħet naqset biex waqgħet għal 2.7%, l-inqas waħda minn Diċembru tal-2021. Dan hu wkoll taħt il-medja tal-inflazzjoni, li kienet osservata taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Dwar dan tkellem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela fl-attività tal-Ħadd f’Marsaskala fejn irrefera għas-suċċess tal-miżura ‘Stabbiltà’, b’riżultat tal-patt soċjali milħuq mal-importaturi u l-ħwienet lokali fil-bidu ta’ din is-sena.
“Issa fi Frar dak li għamilna ħalla effett sinifikanti. Kellna għall-ewwel darba f’diversi snin, tnaqqis ’l isfel, flok żieda ’l fuq, fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel. Imbagħad f’dawn l-aħħar jiem, toħroġ statistika l-Eurostat u tgħidilna wkoll li anke f’Marzu l-effett ta’ dak li għamilna bl-iskema ‘Stabbiltà’ reġa’ għat-tieni xahar konsekuttiv ħalla impatt pożittiv.”
Dan meta fattur prinċipali wara t-tnaqqis fl-inflazzjoni inġenerali reġa’ kien l-andament fil-prezz tal-ikel f’pajjiżna.
Ir-rata ta’ inflazzjoni speċifika fil-prezz tal-ikel naqset għal darb’oħra, biex issa hi tlieta punt sebgħa fil-mija inqas minn Jannar li għadda. Fil-fatt ir-rata osservata fix-xahar li għadda kienet l-inqas waħda f’sebgħa u għoxrin xahar. It-tnaqqis inħass sew kemm fir-rata tal-ikel ipproċessat kif ukoll dak mhux ipproċessat.
Filwaqt li l-iskema ‘Stabbiltà’ hi ntiża biex iżżomm il-prezzijiet tal-ikel stabbli wara l-ewwel tnaqqis ta’ Frar, jidher li l-impatt tat-tnaqqis għadu qed jinfirex. Dan jista’ jkun ikkawżat mill-fatt li aktar stabbilimenti qed ikomplu jissieħbu fl-iskema, immexxija mill-Ministeru għall-Ekonomija.
Minbarra hekk, prodotti li mhumiex fl-iskema u li allura spiċċaw ogħla, qegħdin jitraħħsu wkoll biex jibqgħu kompetittivi.
Analisti rrimarkaw li ċ-ċifri ppubblikati s’issa għadhom biss stima u dawk finali jiġu ppubblikati mill-Eurostat fis-17 ta’ April, waqt li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika joħroġ dawk tal-Indiċi tal-Bejgħ bl-Imnut fit-23 ta’ April.
Għaldaqstant l-impatt tal-miżura tal-Gvern fuq dan l-indiċi mistenni li jkun aktar b’saħħtu, għax il-kejl tal-Eurostat jagħti ħafna importanza lil oġġetti kkonsmati mit-turisti, bħal prezzijiet ta’ restoranti, titjiriet u lukandi, u allura jnaqqas l-impatt ta’ bidliet fil-prezz tal-ikel fuq l-kejl globali tal-inflazzjoni.