Mhux l-ewwel darba li l-gżejjer Maltin iddominaw siti barranin bħal meta saru suġġerimenti biex it-turisti jżuru lil Malta, iżda waħda mill-akbar aħbar li ddominat siti bħall-BBC, CNN, DailyMail u diversi siti oħra, kienet l-aħbar ta’ meta waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra. Għal darb’oħra din it-tieqa reġgħet issemmiet fuq is-sit tas-CNN, iżda din id-darba fuq nota differenti.
L-artiklu bl-isem “After the Azure Window: Malta’s many natural wonders” l-ewwel ifakkar il-memorja tat-Tieqa tad-Dwejra b’kummenti mingħand diversi persuni fosthom il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu u jkompli billi jgħid li għalkemm il-gżejjer Maltin tilfu waħda mill-ikbar attrazzjonijiet, din kienet biss il-bidu ta’ x’joffru l-Gżejjer Maltin.
L-awtriċi ta’ dan l-artiklu, Marissa Tejada, bdiet is-suġġerimenti tagħha bit-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ. Post li kienu bosta li wara li waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra kkummentaw li Għawdex tilfet waħda mit-Twieqi, iżda għandha oħra li għalkemm forsi mhux se tieħu post lil dik tad-Dwejra xorta waħda hi sabiħa u li wieħed għandu jżurha.
Kompliet billi semmiet il-bajja tad-Dwejra li għalkemm it-Tieqa m’għadiex hemm, xorta waħda għadha ta’ attrazzjoni. Semmiet ukoll il-Grotta tad-Dwejra li wieħed jista’ jaqbad lanċa u jmur għal mawra ġewwa din il-grotta, fejn filwaqt li qabel din il-mawra kienet issir biex tgħaddi minn ħdejn it-Tieqa tad-Dwejra, din ir-rotta xorta se tkun qed tkompli ssir hekk kif wieħed jista’ jitpaxxa bis-sbuħija ta’ dak li tista’ joffri d-Dwejra.