“Wassalna l-messaġġ li ser nibqgħu nappoġġjaw lill-familji u lin-negozji tagħna.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
Dan wara li tul dawn il-jumejn ħa sehem f’diskussjonijiet dwar il-kriżi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija li kienu fuq nett tal-aġenda ta’ dan is-summit.
Il-Prim Ministru stqarr li din il-pożizzjoni ċara ta’ pajjiżna ġiet riflessa fil-konklużjonijiet tal-Kunsill minħabba l-mod b’saħħtu li pajjiżna wassal dan il-messaġġ.
Huwa qal, “Hemmhekk pajjiżna poġġa l-pożizzjoni tiegħu ċara li aħna ser nibqgħu nappoġjaw lin-nies tagħna u lin-negozji tagħna, fil-kuntest tar-realtajit partikolari li għandu pajjiżna. Dan kien messaġġ li wassalnieh bis-saħħa tant hu hekk li kien rifless ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill.”
Il-Prim Ministru stqarr li kif ġara tul il-pandemija, dan il-Gvern mhu ser ikun qed iħalli lil ħadd waħdu quddiem din il-kriżi fil-prezzijiet tal-enerġija.
Spjega li dan ser jibqa’ Gvern li ma jħallix il-piżijiet jintefgħu fuq in-nies iżda ser ikun qed jidħol forċina għall-familji u n-negozji.
Dr Abela stqarr: “Aħna rridu nibqgħu hemmhekk sabiex verament inkunu dak il-Gvern li nappoġjaw lin-nies kollha u biex iż-żieda fil-prezzijiet ma tiġix riflessa bħala piżijiet ġodda fuq in-nies.”
Id-diskussjoni dwar il-prezzijiet tal-enerġija kienet waħda importanti hekk kif dawn għolew b’mod allarmanti wara kriżi tal-enerġija minħabba l-pandemija, u li issa rriżultat f’żieda f’daqqa fid-domanda għall-enerġija.
Tul il-jum ġie rrapportat kif fost il-pajjiżi kien hemm uħud li appellaw għall-kalma hekk kif qed isostnu li din il-kriżi għandha tgħaddi sar-rebbiegħa li jmiss u allura ma hemmx ħtieġa ta’ miżuri radikali.
Tul is-summit ġie diskuss ukoll l-aġir tal-Gvern Pollakk fuq is-saltna tad-dritt.
Dan filwaqt li ġew diskussi wkoll l-immigrazzjoni, il-bżonn li jintlaħaq qbil dwar ftehimiet kummerċjali, is-sitwazzjoni tal-Covid-19 u d-donazzjonijet tat-tilqim, kif ukoll l-impenn tal-Unjoni Ewropea sabiex taġġorna l-politika diġtali tagħha.