Wara sajf sħiħ ta’ intriċċi, diżgwid u attakki, illum qed issir il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-votazzjoni fetħet fit-tmienja ta’ dalgħodu fuq il-Fosos tal-Floriana, fl-MFCC Ta’ Qali u f’Ta’ Sannat Għawdex.
Filwaqt li f’Għawdex il-votazzjoni ħa tagħlaq fit-tmienja tal-lejla, f’Malta l-votazzjoni se tintemm fid-disgħa ta’ filgħaxija.
Mas-seba’ t’elef tesserat tal-Partit Nazzjonalista mhux se jivvotaw f’din l-elezzjoni għall-ħatra ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista bejn Adrian Delia u Chris Said.
Dan ifisser li terz tal-membri jew tlieta u tletin fil-mija għażlu li ma jiġbrux id-dokument tal-vot tagħhom jew ma jġeddux is-sħubija tagħhom fil-partit.
B’hekk kompliet toħroġ fil-beraħ l-apatija li hemm fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Fl-elezzjoni għal Kap ġabru l-vot ftit aktar minn ħmistax-il elf u ħames mitt tesserat, bi kważi elfejn u sitt mitt tesserat ivvutaw is-Sibt li għadda waqt il-votazzjoni bikrija.
Il-kandidati Adrian Delia u Chris Said li għaddew għal din it-tieni rawnd wara l-votazzjoni mill-Kunsilliera ġimgħatejn ilu, ivvutaw għal rashom.
Chris Said ivvota kmieni filgħodu fis-Sannat filwaqt li Adrian Delia xeħet il-vot tiegħu ftit aktar tard fl-MFCC Ta’ Qali.
Sadanittant apparti t-tesserati li ngħataw il-vot hemm bosta li baqgħu b’xiber imnieħer u ma ngħatawx il-vot f’din l-elezzjoni għal kap tal-partit tagħhom.
Filfatt fl-aħħar jiem spikkaw il-mumenti ta’ tesserati, fosthom dawk għal għomorhom, li marru biex jiġbru l-vot mill-istamperija iżda l-Kummissjoni elettorali għarfithom li baqgħu bla vot.