Fi stqarrija fl-aħħar minuti, il-Partit Laburista nnota kif il-Bord ta’ Inkjesta magħmul minn l-eks-Imħallef JD Camilleri bħala chairman, l-eks-Imħallef u ċ-Ċermen tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni Lawrence Quintano u l-eks-Imħallef Philip Sciberras ikkonkluda “twaqqfet ħesrem” investigazzjoni kriminali fuq ħasil ta’ flus fuq kumpanija li tagħha Beppe Fenech Adami kien direttur.
Dan seħħ fi żmien meta Fenech Adami kien Assistent Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u de facto ministru tal-Pulizija. “Jekk irid jitwemmen kelma oħra milli jgħid dwar responsabbilta’ politika, il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jifhem il-gravita’ ta’ dan ir-rapport u jgħid x’passi se jiehu fil-konfront tad-Deputat Kap tiegħu,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żied ifakkar li l-Bord ta’ Inkjesta jgħid li din l-investigazzjoni ta’ ħasil ta’ flus li nbdiet mill-Pulizija lejn l-aħħar tat-terminu ta’ Gvern Nazzjonalista “twaqqfet ħesrem u ma tkomplietx”. Din il-kumpanija, Capital One kienet mmexxija minn kumpanija oħra, Baltimore Fiduciary Services, li kellha bħala direttur lid-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
L-inkjesta ssib ukoll li dokumenti importanti għosfru mill-file tal-Pulizija. Il-Bord ma jdurx mal-lewza: “Meta fit-13 ta’ Jannar, 2013 tfacca l-isem ta’ Dr Beppe Fenech Adami, l-investigazzjoni saret a very hot potato li forsi setghet iggib konsegwenzi xejn pjacevoli fuq min ikoll l-kuragg li jaqbadha u jipprova jqaxxarha.” Jghid ukoll li transazzjonijiet importanti ma dehrux iktar fil-file.
Iktar minn hekk, espert imqabbad mill-Bord ta’ Inkjesta evalwa dokumenti, statements u dokumenti bankarji dwar l-operat ta’ Capital One Investment Group u Baltimore Fiduciary Services u kkonkluda li: “The facts established under Section 4 of this report warrant a more thorough review/investigation by the Competent National Authorities.” Liema konklużjoni l-Bord ta’ ex-Imħallfin laqa’ u għamilha tiegħu. Il-Bord talab lill-Prim Ministru biex jirreferi dan il-każ għall-investigazzjoni tal-Pulizija u l-FIAU.