Christabelle Borg fl-2018, bil-kanzunetta Taboo kienet l-aħħar rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest. Minn dakinhar, ħafna ammiraturi tal-Eurovision f’pajjiżna u lilhinn dejjem staqsew il-mistoqsija: Meta ser jirritorna l-festival? Wara nuqqas ta’ 4 snin, fi tmiem din il-ġimgħa, bejn is-17 u d-19 ta’ Frar, jitla’ s-separju għall-Malta Eurovision Song Contest 2022.
B’kompetizzjoni ta’ kanzunetti, bil-lingwa Ingliża u dik Maltija u b’kanzunetti b’taħlita taż-żewġ lingwi, fl-ewwel serata tal-Ħamis 17 ta’ Frar ser naraw 22-il semi finalist jieħdu sehem fuq il-palk ta’ dan il-festival. Is-Sibt umbgħad ser insegwu l-finali b’sittax-il kanzunetta.
Hekk kif il-kanzunetta ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jinstemgħu, ħafna għandhom il-favoriti tagħhom, pero’ dan ma jfisser xejn għaliex apparti l-vot tal-pubbliku, ir-riżultat ser ikun determinat ukoll bil-vot tal-ġurija.
Il-Malta Eurovision Song Contest ser jitella’ fl-MFCC Ta’ Qali.