Għaddiet biss nofs siegħa biex il-Partit Nazzjonalista ikkonferma l-aħbar esklussiva tagħna, li għada se jitlaqa’ b’urġenza l-grupp parlamentari.
U kif żvelajna aħna wkoll, fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ntqal li l-grupp parlamentari se jiltaqa’ biex jiddiskuti l-investigazzjoni dwar il-VISA.
“Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, bl-involviment issa anke tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari għal għada t-Tlieta 30 ta’ Awwissu, biex matulha, jiġu diskussi dawn l-aħħar żviluppi f’sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni f’Kastilja,” qal il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu.
Iżda, fil-verità lill-grupp parlamentari Simon Busuttil irid ikellmu dwar l-inkwiet intern u se jitlob ukoll fiduċja fih. Naturalment dan ma kienx se jgħidu pubblikament u għalhekk 35 minuta qabel l-istqarrija tal-PN aħna konna diġa rrapportajna li: “Lil mezzi tax-xandir il-Partit Nazzjonalista qed jippjana li jgħidilhom li l-laqgħa urġenti tal-grupp parlamentari se tkun minħabba l-investigazzjoni tal-Visas, bit-tama li ma joħrog xejn minn dak li se jingħad internament waqt il-laqgħa.”
L-Uffiċju tal-Prim Ministru Jirreaġixxi
Fi stqarrija l-uffiċju tal-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ibellagħha li sejjaħ laqgħa tal-grupp parlamentari b’ urġenza minħabba gidba li ħoloq hu stess, meta huwa fatt magħruf li din il-laqgħa kellha tissejjaħ minħabba s-sitwazzjoni dejjem aktar prekarja tal-pożizzjoni tiegħu.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, għat-tieni darba f’ din il-leġislatura, qed jirreferi għal diskussjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Sigurtà, xi ħaġa li qatt ma saret minn l-ebda membru ta’ dan il-kumitat fl-ebda leġislatura.
Mingħajr ma jikkummenta dwar dak li ntqal f’din il-laqgħa, jekk wieħed jieħu d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni bħala korretta, jiġifieri li l-issue tal-visas ġiet diskussa, dan huwa konferma tal-pożizzjoni tal-Gvern li kwalunkwe informazzjoni dejjem ingħaddiet għall-investigazzjoni mall-ewwel.
Kieku l-Kap tal-Oppożizzjoni jaqra sewwa l-istqarrijiet li jsiru u ma jkunx imfixkel mit-taħwid intern li għandu, kieku ma jagħmilx żbalji redikoli bħal dawn, ittemm tgħid l-istqarrija mill-Uffiċju tal-Prim Ministru.