Il-ġimgħat u xhur li ġejjin se jkunu ferm impenjattivi għal dawk involuti fl-organizazzjoni tat-tiġijiet, hekk kif mistennija jiġu organizzati għexieren ta’ ċerimonji matrimonjali madwar Malta u Għawdex.
Ta’ min isemmi kif din is-sena wkoll qed jiżżewġu koppji li kellhom jippostponu t-tieġ tagħhom minħabba r-restrizzjonijiet li kien hemm fis-seħħ b’rabta mal-pandemija.
Dan is-sentiment ta’ sajf bieżel, qasmu magħna Joseph Zammit, wieħed mis-sidien tal-Kumpanija tal-Catering Neriku, fejn spjega kif ix-xogħol għalihom reġa’ qabad b’rittmu mgħaġġel ħafna u ħafna aktar milli mistenni.
Qal, “Konna sorpriżi bil-mod ta’ kif ix-xogħol reġa’ rpilja u l-verita hija li rpilja b’mod rapidu ħafna u b’saħħtu milli wieħed stenna. Dan is-sajf ovvjament fejn jidħlu tiġijiet dawk ikunu bbukkjati u nkunu nafu x’għandna. Iżda minħabba r-restrizzjonijiet illi telqu żiedu l-mistiedna, allura fejn kien se jkollna tieġ ta’ dak l-ammont issa f’daqqa waħda reġa’ kibrilna.”
Joseph Zammit qal li s-sajf li ġej se jkun wieħed b’saħħtu ħafna anke għall-organizazzjoni ta’ attivitajiet privati oħra lill’hinn mit-tiġijiet.
Qal, “Jidher Sajf b’saħħtu ħafna, però xi ħaġa pożittiva wkoll hija li l-events, functions, private functions, corporate, ażjendi privati, staff parties u wkoll il-konsumatur fid-djar tiegħu għandna requests kbar ħafna.”
ONE News tkellem ukoll ma’ Sarah Young li għandha kumpanija li tiffoka fuq l-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni taċ-ċerimonja u r-riċeviment tat-tieġ.
Hawnhekk hija qalet kif wara sentejn huma ħadu r-ruħ u kif it-tiġijiet issa qed jiġu organizzati b’mod normali, fatt li jkompli jagħti jum memorabbli u isbaħ għall-miżżewġin friski.
Qalet, “Il-fatt li qed inħossuna lura għan-normal hija inkredibbli, għax il-ftit tiġijiet li għamilna s-sena l-oħra kienu kollha bir-restrizzjonijiet. Issa erġajna għan-normal huwa feeling sabiħ ħafna, anke għal min qed jiżżewweġ għax jista’ jkun normali u kollox normali, iġifieri din hija xi ħaġa tajba.”