L-għada li ħarġet uffiċjali li Bernard Grech se jtellaq waħdu, il-Kap Nazzjonalista mar fuq l-istazzjon tal-partit tiegħu u ammetta li fil-Partit Nazzjonalista qed ikomplu jiżdiedu l-intriċċi u l-qasmiet.
Dan hekk kif fi kliemu, anki jekk se jagħmel bħal Lawrence Gonzi u jtellaq waħdu għall-elezzjoni ta’ Kap Nazzjonalista, hemm min qed jaħdem kontrih u ma jridux li jikseb ammont ta’ voti.
Qal, “Nifhem ukoll però li hemm nies akkost ta’ kollox mhux għax xettiċi illi jridu li ma jkunx hemm mandat b’saħħtu lejja f’din l-elezzjoni.”
F’intervista li fiha kien xott għall-allegazzjoni ta’ Jason Azzopardi, li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Grech, seta’ ħa xi flus biex tkun tista’ tingħata proklama, Bernard Grech kompla jwaħħal f’ta’ qablu u f’kulħadd barra fih innifsu għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista u għat-telfa elettorali li ġarrab il-partit.
Quddiem id-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali li fih ried jaqta’ kull kompetizzjoni u jaqta’ qalb min ħasibha li joħroġlu għan-nofs, Bernard Grech ikkonferma dak li żvela ONE News aktar kmieni din il-ġimgħa, jiġifieri l-ġlied kbir u l-furur li qam wara li tefa’ l-ħtija fuq il-ħaddiema tal-midja tal-partit iżda ħalla lil Ray Bezzina u Chris Peregin jieħdu l-eluf u mal-ewwel skoll kbir, dabbru rashom.
Biex benġielha fuq it-televiżjoni, Bernard Grech qal li għal dak li għal dak li qal fuq il-Partit Nazzjonalista, kellu reazzjonijiet imħallta.
Qal, “Kienu reazzjonijiet biex inkun onest imħallta.”
Intant kif qalu s-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali, fil-Partit Nazzjonalista qed tispikka apatija kbira tant li hemm nies, speċjalment mill-fazzjoni t’Adrian Delia li qed jgħidu li, “Issa jagħmel hu u ħallih jagħżaq waħdu”, b’referenza għal Bernard Grech.
Oħrajn qed jimblukkaw ċertu toroq għal Kap, b’Bernard Grech innifsu jammetti dan.
Qal, “Dejjem se jsib xi tip ta’ reżistenzi.”