Wara li ftit tal-jiem ilu omm Samuel Farrugia, it-tifel li huwa nieqes mid-dawl, esprimiet id-diżappunt tagħha meta Samuel u ħabib tal-familja tħallew barra minn ristorant għax kellhom kelba gwida, l-istess ristoranti b’reazzjoni għal dak li ġara għadhom kif ħabbru li bdew jaċċettaw li klieb gwida li jkunu qegħdin jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom jitħallew jidħlu fl-istabbilimenti.
Kien id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija flimkien maċ-Ċermen tal-Malta Guide Dogs iltaqgħu fl-istess stabbilment fejn spjega kif dak li ġara kien żball kbir, u dan minħabba l-fatt li qatt ma ffaċċjaw sitwazzjoni bħal dik.
Kien għalekk li issa l-istess stabbilimenti wiegħdu li se tingħata għajnuna lill-fondazzjoni biex din tiġbor il-fondi ħalli tipprovdi klieb gwida lil nies neqsin mid-dawl.
Min-naħa tiegħu, Leone Sciberras kien pożittiv dwar dak li ġara. Hu qal li “tkellimna dwar il-ħtieġa li niddistingwu bejn annimali tal-familja u Klieb Gwida u klieb oħra li joffru servizz. Il-Malta Guide Dogs Foundation tirringrazzjakhom u tħares ‘il quddiem biex tibni relazzjoni tajba mal-organizzazzjoni.”
Intant, iċ-Ċermen tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, rrefera għall-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs li jirreferi b’mod speċifiku għall-klieb gwida u jsemmi li huma mezz importanti għal dawk il-persuni neqsin mid-dawl biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti.