Ftit kienu jobsru li David Cameron kellu jkun il-Prim Ministru Ingliż li qasam il-partit konservattiv, sfaxxa karriera politika, ta bidu għal proċess biex jiżżarma r-Renju Unit u ħoloq kriżi fl-Unjoni Ewropea li tista’ twassal għat-tmiem ta’ kif nafuha llum. Ħareġ għonqu f’attentat biex isalva kollox imma ġietu ħażin. Kif qal il-Guardian, ġurnal xellugi Ingliż, Cameron tilef u tellef kollox bil-kbir.
Kien fl-1707 li r-Renju Unit inħoloq bħala stat billi għaqqad l-Iskozja f’monarkija waħda. Fis-sena 1800 – meta parti minn Malta sejjħet lill-Ingliżi biex topponi gvern repubblikan taħt il-Franċiżi – it-tron Irlandiż twaħħad ukoll taħt bandiera waħda. Wara 43 sena fl-Ewropa l-Gran Brittanja qed tissogra li tisfaxxa f’Renju Diżunit: l-Iskozja se tfittex l-indipendenza għal darb’oħra biex tkun tista’ tibqa’ fl-Ewropa filwaqt li l-Irlanda ta’ Fuq ġa qed issemmi separazzjoni. Dan biex ma nsemmux it-terrimot ekonomiku li Londra ikkawżat fis-swieq internazzjonali.
Ilha ġejja
Min bħali segwa x’kien għaddej fl-Ewropa dal-aħħar snin ma nħasadx daqstant bir-riżultat tat-23 ta’ Ġunju. Qiesha kienet ilha ġejja, l-aktar dan l-aħħar wara l-elezzjoni għall-President Awstrijak fejn għal naqra ma telax kandidat tal-lemin estrem, li allura jopponi d-deċiżjonijiet meħuda Brussel. Ngħiduha, l-Ingilterra mill-bidu nett dehret skomda fl-Ewropa: dejjem tikkritika, ma tieħux sehem fejn tista’ – la tinsab fiż-żona Ewro u l-anqas Schengen – u xettika għall-aħħar. Wara li kellu l-akbar Imperu u marina fid-dinja, ir-Renju Unit ma jidherx li jixtieq isegwi. Anzi fi kliem il-kampanja favur il-ħruġ mill-Ewropa, it-23 ta’ Ġunju għandha tiġi dikjarata bħala Jum l-Indipendenza !
Tad-daħk tiftakar kemm tawna mrar sabiex ksibna gvern responsabbli fl-1921, l-indipendenza meta kienu komdi u negozjar ta’ xeħħa biex telqu fl-1979. Ironija tiftakar kemm kolonji Brittaniċi fl-Asja u l-Afrika, xerrdu demmhom biex sa fl-aħħar irnexxielhom jiggvernaw lilhom infushom.
Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd – illum kien imiss lill-Ingliżi stess li jivvutaw biex ikollhom ragħjhom f’idejhom.
Jekk tinsa ftit l-imgħoddi tintebaħ li kull pajjiż demokratiku jibqa’ jsus sakemm jilħaq l-istat li jixtieq; l-Ingliżi, b’maġġoranza ta’ aktar minn miljun vot, għażlu li jieħdu ċans u jerġgħu jibdew jinnegozjaw mad-dinja kollha kif iridu huma, jieħdu deċiżjonijiet ta’ ħbiberija ma’ kulħadd, bla ma jbaxxu rashom għal ħadd. Esperjenza u saħħa għandhom: il-famuża City hi ċentru finanzjarju mondjali u ċerti potenzi ekonomiċi kbar xi darba kienu tagħhom bħal pereżempju l-Amerka, l-Indja, l-Awstralja u l-Kanada. Jistgħu wkoll jagħtu ħajja ġdida lill-Commonwealth. Fl-imgħoddi l-kummerċ internazzjonali Ingliż kien b’saħħtu aktar barra mill-Ewropa; f’dal-kontinent ma kellhomx ħlief żewġ bażi żgħar fil-Mediterran – lilna u lil Ċipru.
Benefiċċji wara l-ħruġ Ingliż
Barra negozjar ġdid li jdum xi sentejn biex joħorġu mill-Unjoni b’mod kumplikat minħabba l-Iskozja u l-Irlanda, hemm ħafna iżjed x’isir. Jien ngħid li għal xi żmien, kulħadd ibati : l-isterlina ġa qed tieħu majnata (issa forsi l-aħjar żmien tmur btala l-Ingilterra); l-Ewropa tinsab f’paniku b’forzi politiċi fl-Olanda, Franza u l-Italja jitolbu referenda simili ; qiesu ħadd ma jaf x’se jiġri mill-immigranti fir-Renju Unit u l-Brittaniċi f’pajjiżi Ewropej. Imma bħala wieħed li nagħraf għala l-Ingliżi jixtiequ jeħilsu minn irbit żejjed fit-tmexxija ta’ pajjiżhom, nagħraf ukoll il-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw għal kulħadd, anki għalina, wara ċertu żmien.
L-Ingilterra, kif semmejna, tista’ tispiċċa ekonomikament b’saħħitha iżjed u b’kummerċ akbar. L-Ewropa trid tbiddel il-metodi u l-proġetti tagħha li bihom tiġbor aktar poter f’idejn istituzzjonijiet anonimi u, forsi ftit elitisti, biex tisma’ iżjed x’għandu jgħid il-poplu. L-għada tar-referendum Merkel ġa sejjħet laqgħa urġenti ma’ Hollande u Renzi biex jaraw x’se jagħmlu; għaliex dawn it-tlieta ta’ ewwa biss mhux dejjem jaċċettaha kulħadd. Qiesu fiċ-ċentru tal-Ewropa jeżisti xi maqdes li jaf aktar minn ħaddieħor x’għandu jsir. Ġara l-istess fil-kriżi tal-Ġreċja. Il-proġett jinħema mill-ftit u l-oħrajn isegwu. Naħseb hawn ukoll l-Unjoni trid tara x’toroq jeżistu li jwasslu biex ma jingħatawx spazji fejn l-estremisti donnhom qed jikbru b’theddid għad-demokrazija liberali.
Malta se mmorru aħjar ?
Malta għandha relazzjoni speċjali mar-Renju Unit. Relazzjonijiet kummerċjali, turistiċi, kulturali kif ukoll taħlit ta’ familji. Għandna bosta tradizzjonijiet Ingliżi mxerrda mill-politika, ġurnaliżmu, edukazzjoni u saħansitra mezzi ta’ kif immexxu pajjiżna. Fit-turiżmu se naqilgħu daqqa għax wieħed minn kull tliet turisti li jiġu huma minn hemm; se nitilfu alleat fl-UE u min jiġi fostna se jsibna ogħla milli konna. Ċert li l-gvern u l-privat se jagħmlu minn kollox biex inaqqsu l-impatt ta’ dawn l-effetti negattivi iżda fl-istess waqt, b’mod naturali, f’kull business jinstabu toroq ġodda. Ġa sirna kosmopolitani – hawn eluf minn pajjiżi differenti jaħdmu fostna; nistudjaw f’universitajiet oħra barra dawk Ingliżi u alleati oħra fl-Ewropa qed insibu numru sabiħ bħal ngħidu aħna l-ġirien Mediterranji. Jiena ċert li wara ftit żmien inkunu rġajna sibna saqajna u s-suċċessi ekonomiċi li qed igawdi l-pajjiż illum se jagħmlu tajjeb biex inbiddlu l-mentalità antika li l-Ingilterra kienet hemm qiesha xi xibka tal-kenn (safety net).
Iżda hemm xi ħaġa oħra li bis-saħħa tat-tluq tal-Ingilterra mill-UE nistgħu nirbħu. Nistgħu nikkupjawhom. Mhemmx għalfejn noħorġu mill-Ewropa aħna wkoll (għalkemm ċert li rqajja’ żgħar li jixtiequ dan jeżistu fostna).
Biżżejjed nifhmu li mal-ekonomija, mal-kontroll tal-migrazzjoni hemm ukoll l-identità. Meta nitkellem fuq il-bżonn li ma nibqgħux ngħixu qiesna għadna kolonja – pereżmpju b’bandiera b’midalja Ingliża fuqha, reġina Ingliża f’nofs il-Belt u tmien armi Brittaniċi jdawwru l-palazz tal-president – forsi nieħdu eżempju tajjeb mill-Ingliżi u nibdew nirrispettaw iżjed dak li jagħmilna nazzjon, distinti minn ħaddieħor. Min jgħid li dik storja ma jkunx qed janalizza sew x’ibiddel kommunità f’nazzjon kburija b’dak li hu tagħha.
Ir-ritratt tal-ġimgħa juri dehra tal-arma Brittanika rjali fuq bieb l-università l-qadima fi Triq San Pawl, il-Belt. B’kollox għandna tmienja minn dawn fosthom tnejn fil-btieħi tal-palazz tal-president, fuq il-Main Guard, fil-pedestal tar-reġina Vittorja, fis-sala tal-biblioteka, fi Triq Merkanti u Victoria Gate. Possibli għandna bżonnhom kollha biex niftakru li konna kolonja Brittanika? Mela moħħna żurżieqa?
Ir-ritratt mat-titlu ta’ dil-kitba juri d-deni tal-football ma’ gallerija Maltija li tidher tixtieq li l-Ingilterra ma jkollhiex xi Brexit kmieni mill-Euro 2016.